“Ifirħu dejjem fil-Mulej; nerġa’ ngħidilkom, ifirħu” (Filippin 4:4). Dan huwa l-vers mill-Bibbja li l-Papa Benedittu XVI għazel din is-sena biex iż-żgħażagħ jirriflettu fuqu; hija ukoll it-tema li ntgħażlet lokalment għal kunċert fl-okkażjoni ta’ Jum iż-Żgħażagħ ta’ din is-sena. Dan huwa kunċert b’ differenza; festa ta’ muzika live mtella` miż-żgħażagħ għaż-żgħażagħ; ċelebrazzjoni ta’ ferħ, fidi u mużika.
Il-kunċert jinvolvi numru ta’ bands lokali li ngħataw l-opportunita` li jesprimu t-talent tagħhom b’lirika oriġinali u b’tema Kristjana. Il-kanzunetta rebbieħa tieħu t-titlu tal-kanzunetta tas-sena għal Jum iż-Żgħażagħ. Il-kunċert qiegħed isir bi preparazzjoni għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ 2013, li se jsir f’Rio de Janeiro, il-Brażil.
Dan il-kunċert ħa jittella` fil-21 ta’ April, fis-sala taċ-Ċentru Parrokkjali ta’ Ħ’Attard, b’kollaborazzjoni bejn il-Kummissjoni Djoċeżana Żgħażagħ (KDŻ) u l-għaqda taż-żgħażagħ ġewwa Ħ’Attard ‘YouthReach’ li qegħdin jospitaw dan il-kunċert għall-ewwel darba.
Il-prezz għad-dħul huwa ta’ €2. Il-biljetti jistgħu jinxtraw minn qabel mill-uffiċju tal-KDŻ, f’Sta. Venera jew fuq in-numru 9999 9761/2148 4506 jew online fil-website www.youthreachmalta.org. Hemmhekk wieħed jista’ jirriżerva biljett wara li jimla applikazzjoni sempliċi. Il-biljetti ħa jkunu ukoll għall-bejgħ dakinhar stess mal-bieb.