Il‑Kor Jubilate Deo, li huwa l‑kor tal‑Katidral tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, se jagħti kunċert f’għeluq il-50 anniversarju mit-twaqqif tiegħu, nhar l-Erbgħa li ġej 15 ta’ Mejju fil-Knisja tal-Erwieħ f’Ħal Tarxien.
Il-kunċert bl-isem ta’ ‘Faħħruh’ se jkun talb bil-mużika ta’ Taizé u kant Gregorjan. Id-direzzjoni mużikali se tkun f’idejn il-Maestro di Cappella Christopher Muscat, id-direttur tal-kor u d-Direttur Mużikali tal-Arċidjoċesi.
Flimkien mal-kor se jieħdu sehem il-Cappella Gregoriana Jubilate Deo, il-Pueri Cantores Jubilate Deo, kif ukoll il-Kor tal-Arċidjoċesi ta’ Malta li huwa kor magħmul minn koristi mill-parroċċi kollha. Jakkumpanjaw il-kant se jkun hemm il-vjolinista Stefan Cassar, il-vjolonċellista Frank Camilleri u l-arpista Caroline Calleja.
Il-kunċert se jibda fis-7:30pm u d-dħul huwa b’xejn. Matul il-lejla se jkun qed jiġi amministrat ukoll is-sagrament tal-qrar.
Informazzjoni dwar il-Kor Jubilate Deo
Il‑Kor Jubilate Deo huwa l‑kor tal‑Katidral Metroplitan kif ukoll il-kor resident tal-Knisja Parrokkjali tan-Naxxar. Fl-1974, propju 50 sena ilu, għadd ta’ voluntiera taħt il-gwida tal-arċipriet ta’ dak iż-żmien Dun Pawl Caruana, ingħaqdu sabiex jinħoloq kor fil-parroċċa tan-Naxxar.
L-isem magħżul għal dan il-kor kien Jubilate Deo li ma baqax biss sempliċi isem imma sar missjoni ta’ dawk kollha li jagħmlu parti minnu sabiex ifaħħru ’l Alla u jgħinu lill-ġemgħa liturġika sabiex tagħmel l-istess. Matul is-snin il-kor għex esperjenza kontinwa ta’ Alla permezz tal-mużika u l-kant, li mhux biss ipaxxu l-widna u jmissu l-qalb ta’ min ikantah u jisimgħu, imma li joħloq djalogu ma’ Alla permezz ta’ mużika li ssir talb.