Kungress sponsorjat mill-Vatikan dwar l-użu etiku taċ-ċelloli steminali fir-riċerka xjentifika tħassar minħabba nuqqas ta’ fondi. Dan ikkonfermawh l-organizzaturi. It-tielet Kungress Internazzjonali dwar riċerka responsabbli ta’ ċelloli steminali, kien se jsir bejn il-25 u t-28 t’April fil-Vatikan mill-Akkademja Pontifiċja għall-ħajja, b’kollaborazzjoni mal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Assoċjazzjonijiet Mediċi Kattoliċi, ibbażata fil-Vatikan, kif ukoll flimkien mal-Fondazzjoni Jerome Lejeune u l-Kumitat Konsultattiv tal-Bioetika ta’ Monaco.
Fr Scott Borgman, uffiċjal tal-Akkademja Pontifiċja għall-ħajja, qal lil CNS li ma kienx hemm biżżejjed sponsors u reġistrazzjonijiet għall-Kungress biex ikunu koperti l-ispejjeż. Fi kliemu, “kien jonqosna eluf ta’ ewro biex nkunu nistgħu nimmaterjalizzaw il-Kungress, u l-istaff għamel minn kollox biex isib iżjed sponsors, imma l-isforzi sfumaw fix-xejn”.
Il-Federazzjoni Medika Kattolika, permezz tal-President tagħha Jose Simon Castellvi, qalet b’email lil CNS li “hi ħasra li kellna nħassru l-Kungress, pero l-problemi ekonomiċi u anki l-fatt li seta’ kien hemm wisq konferenzi tal-Vatikan fuq dan l-istess suġġett skedati qrib xulxin, wasslu għall-ikkanċellar tal-attivita”.
F’Novembru li għadda, il-Kunsill Pontifiċju għall-Kultura, flimkien mal-kumpanija NeoStem Inc. dwar riċerka u markitjar ta’ terapiji bl-użu ta’ ċelloli steminali tal-adulti, organizzat konferenza simili b’ħafna kelliema li kienu se jindirizzaw dan il-kungress t’April.