Il‑Kulleġġ tal‑Kappillani tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta ħatar Kunsill ġdid tal‑Kappillani għas‑snin 2024‑2026 u li se jkun magħmul minn tmien kappillani.
Fl‑ewwel laqgħa tal‑Kunsill tal‑Kulleġġ tal‑Kappillani, l‑Isqfijiet ta’ Malta awguraw lill‑membri l‑ġodda sabiex il‑ħidma tagħhom tħalli l‑frott mixtieq fil‑parroċċi u fil‑Knisja f’Malta.
Il‑membri tal‑Kunsill huma: il‑President Dun Reuben Micallef, il‑Kappillan ta’ Birżebbuġa; il‑Viċi President Dun Daniel Cardona, l‑Arċipriet taż‑Żurrieq; is‑Segretarju tal‑Kunsill Dun Albert Buhagiar, l‑Arċipriet ta’ Ħaż‑Żebbuġ; is‑Segretarju tal‑Kulleġġ Dun Robin Camilleri, l‑Arċipriet tal‑Isla; il‑Kaxxier Dun Bastjan Caruana, l‑Arċipriet tal‑Mosta u l‑membri Dun Evan Caruna, il‑Kappillan ta’ Santa Marija f’Birkirkara; Dun Karm Farrugia, il‑Kappillan ta’ Ħal Balzan, u Dun Franco Fenech, il‑Kappillan tal‑Immakulata Kunċizzjoni fil‑Ħamrun.
L‑għan tal‑Kunsill tal‑Kulleġġ tal‑Kappillani huwa li jkun ta’ għajnuna għall‑Arċisqof u għall‑kappillani kollha fil‑ħidma pastorali tagħhom fil‑parroċċi, kif ukoll jieħu ħsieb il‑laqgħat tal‑Kulleġġ tal‑Kappillani. L‑irwol tal‑Kunsill hu wkoll li jgħin fl‑implimentazzjoni tal‑viżjoni u l‑policies tal‑Arċidjoċesi fost il‑kappillani f’Malta.
Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace