Fr Jethro Bajada qal li jħossu kuntent immens li din is-sena kemm fil-Milied kif ukoll fl-Ewwel tas-Sena se jkun qiegħed fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Hu jqaddes il-quddies ta’ nhar t’Erbgħa għaldaqstant la dawn il-festi ħabtu l-Erbgħa hu għandu din l-opportunità li jaqsam il-ferħ tal-Milied mal-priġunieri. Qal li dawn, jemmnu jew ma jemmnux jieħdu gost li xi ħadd mar iżurhom.

Hu stqarr li din mhux se tkun l-ewwel darba tiegħu għax ġieli mar ma’ patrijiet Kappuċini li kienu se jqaddsu u hu kien qed janima għax hu jdoqq bosta strumenti. Spjega li mhux faċli għall-priġunieri li waqt li kulħadd qed igawdi huma qegħdin hemm ġew imma hekk joħolqu spirtu ta’ ferħ u joħdulhom xi ħelu tal-Milied milli jkun waslilhom fil-kunvent.

Fr Jethro kien qed jieħu sehem fil-programm taż-żgħażagħ BTW li jixxandar kull nhar t’Erbgħa fil-5pm fuq RTK103. It-tema tal-programm kienet l-idea ta’ Milied komunitarju u ħadu sehem ukoll Miriam Grech mid-Djakonija Parroċċi ta’ Wied il-Għajn u l-youth worker t’Aġenzija Żgħażagħ Deborah Debono.

“F’Međugorje kelli esperjenza kbira ta’ ferħ u paċi”

Mistoqsi dwar kif nibtet il-vokazzjoni tiegħu hu qal li dejjem kien viċin tal-Kappuċċini għaliex kien jgħix qrib il-kunvent tagħhom għaldaqstant kien familjari mal-ħidma tagħhom imma kienet l-esperjenza ta’ ferħ u paċi interjuri f’Medugorje li wasslitu biex ikompli jfittex u jagħmel dan il-pass.

“F’Suret il-Bniedem nieħu gost nara t-tbissima fuq il-persuna”

Hu tkellem dwar kif il-ġurnata tagħhom iddur mat-talb u l-ikel, l-element tal-fraternità. Żied jispjega x’inhi l-ħidma tal-Kappuċċini mal-fqar anke ma’ dawk li qed jesperjenzaw nuqqas ta’ saħħa mentali. Fil-Milied fl-ikla tal-Kappuċċini jiġu mistiedna r-residenti tat-tlett idjar li għandhom il-Kappuċċini. Ikunu madwar 40 ruħ u dawn il-persuni ikunu qed jistennewha ħafna din l-ikla, “jiġu kmieni daqskemm ikunu qed jistennewha!”

Tkellem ukoll dwar il-verżjoni tad-diska li ħarġu din is-sena ‘We Three Kings’ li b’mod viżiv tiġbor il-ħidma mal-homeless, vittmi ta’ vjolenza domestika u dawk li jinsabu waħedhom fis-solitudni.

Segwi l-programm BTW on demand!
Dan isir bil-kollaborazzjoni tal-Aġenzija Żgħażagħ u l-Malta Catholic Youth Network.

Sors: Newsbook Malta