-
-
Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Konkatidral ta’ San Ġwann
25 ta’ Ottubru 2017
L-Ewwel Qari li smajna llum mill-ewwel ktieb ta’ Samwel (1 Sam 17, 1-10), jiddeskrivi l-preparamenti ta’ wieħed mill-iskontri l-iżjed famużi fit-Testment l-Antik: it-taqtigħa bejn Gulija, dan il-Filistin qawwi, twil u armat tajjeb, u David, li joħroġ f’isem Iżrael jirrispondi għall-arroganza ta’ Gulija u għall-prepotenza tiegħu bi żbandola b’ħames ċagħkiet.
L-istorja nafuha. David ixejjer waħda miċ-ċagħkiet li kien ġabar ħdejn nixxiegħa u jolqot ngħas Gulija li jistabat mal-art. U hekk, din il-prepotenza kbira hija mfissra b’mod ħafna elokwenti fid-deskrizzjoni dettaljata tal-armatura ta’ Gulija: “L-elmu tal-bronż, il-kurazza maħduma qxur qxur, ix-xedd tal-bronż, l-alabarda tal-bronż fuq spallejh, l-għuda tal-lanza, il-ħadida tal-lanza, it-tarka li kien iwassalilu wkoll qaddej, dan kollu jispiċċa b’ċagħka żgħira” (ara vv. 5-7).
Jiena nifhem li intom, għeżież membri tal-Armata, mhux biss għax ġejjin minn pajjiż ċkejken, imma għaliex il-provokazzjonijiet u s-sitwazzjonijiet diffiċli huma immensi speċjalment fil-baħar Mediterran, tħossukom ħafna drabi bħal David quddiem Gulija. Imma jekk aħna nħarsu lejn it-Tieni Qari (Efes 6. 10-18), dan jitkellem ukoll dwar armatura imma d-distinzjoni bejn l-ewwel u t-tieni qari hija li l-armatura li jsemmi San Pawl Missierna, meta jikteb lill-Efesin, hija armatura spiritwali.
Fl-Ewwel Qari smajna insistenza fuq armatura magħmula mill-bronż li tlibbes raġel kbir, arroganti fi kliemu u f’għemilu, u vjolenti fl-intenzjonijiet tiegħu li ried jagħmel ilsiera lill-membri kollha tal-poplu ta’ Iżrael. San Pawl jispjegalna li aħna għandna bżonn ukoll armatura spiritwali għaliex jgħid: “Il-ġlieda tagħna mhijiex kontra d-demm u l-laħam”. Jiena ngħid fil-każ tagħkom mhuwiex kontra d-demm u l-laħam biss, “imma kontra s-setgħat, kontra l-Qawwiet, kontra l-Prinċpijiet ta’ din id-dinja tad-dlamijiet, kontra l-ħażen.” (v. 12)
L-armata trid tkun attrezzata wkoll b’motivazzjoni u bi spirtu etiku.
L-appell tiegħi llum lilkom, għeżież membri tal-Armata, huwa li l-armatura fiżika hija essenzjali għall-expertise. Kelli l-opportunità nara mill-qrib ix-xogħol tagħkom fl-14 ta Marzu u dik il-kedda ma ninsieha qatt. Imma fl-istess ħin il-privileġġ li niltaqa’ magħkom fl-ambjent fejn taħdmu, li nduq ftit ukoll mill-isfidi li intom tiltaqgħu magħhom kuljum. Mela qed ngħid li għandna bżonn li jkollna armata li hija propju attrezzata tajjeb u skont il-ħtieġa taż-żmien, imma l-armata trid tkun attrezzata wkoll b’motivazzjoni u bi spirtu etiku.
Għandna bżonn l-armatura tal-bronż, biex ngħidu l-istess kelma li hemm fl-Ewwel Qari, imma għandna bżonn ukoll l-armatura tal-prinċipji etiċi. Meta San Pawl jitkellem fuq l-armatura ta’ Alla biex tkunu tistgħu tieqfu fi żmien il-ħażen u wara li tkunu għamiltu ħilitkom kollha żżommu weqfin, jitkellem dwar il-verità, il-ġustizzja, il-ħeġġa tal-Evanġelju tas-sliem, il-fidi li biha tistgħu titfu l-vleġeġ kollha tan-nar tal-ħażen. L-elmu tas-salvazzjoni, ix-xabla tal-ispirtu, li hija l-Kelma ta’ Alla.
Dawn huma terminoloġiji, biex ngħidu hekk, qrib il-fidi tagħna Nisranija imma jekk ikolli nerġa’ ntenni l-prinċipju li jgħodd għal kulħadd anke għal min ma jemminx, huwa li kull armata, biex tieqaf kontra l-ħażen, ma tridx tkun biss attrezzata b’dak kollu li jeħtieġ materjali imma jrid ikollha wkoll prinċipju etiku, trid ikollha l-motivazzjoni li l-ġlieda hija dik sewwa li allura anke fid-dinamika interna tal-Armata b’mod speċjali kif titħaddem l-awtorità u kif tingħex l-ubbidjenza jkun hemm ukoll prinċipju etiku.
Fl-Evanġelju (Mt 8, 6-13) nsibu bniedem tal-armata, ċenturjun, li jispjega li huwa bniedem ta’ awtorità imma jmur quddiem Ġesù wkoll bħala bniedem li għandu l-awtorità fuqu. Hu jaċċetta wkoll li hemm l-awtorità tiegħu ta’ bniedem tal-armata Rumana, imma wkoll li Ġesù għandu qawwa spiritwali, li hu jirrikonoxxi, avolja mhuwiex Lhudi, avolja pagan. Hu jirrikonoxxi l-awtorità spiritwali ta’ Ġesù.
Jirrealizza wkoll li hu bniedem dgħajjef, bniedem li m’għandux is-safa ta’ Ġesù u għalhekk joħroġ b’dik l-istqarrija ta’ umiltà kbira li tant ikkommoviet lil Ġesù u li aħna nfakkru f’kull Quddiesa qabel nitqarbnu. Nużaw l-istess kliem ta’ dan il-bniedem tal-armata, ta’ dan is-suldat: “Ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi imma għid biss kelma waħda u ruħi tfieq, il-qaddej tiegħi ifiq.” (v. 8) F’kull Quddiesa li tiġi ċċelebrata madwar id-dinja kollha, il-Kattoliċi kollha, qabel jitqarbnu, jirrepetu l-kliem ta’ dan is-suldat li peress li kellu l-esperjenza li għandu min hu taħtu, imma għandu wkoll lil min hu fuqu, kien jaf x’inhi l-ubbidjenza, irrikonoxxa l-qawwa spiritwali, l-awtorità spiritwali ta’ Ġesù: “Sinjur id-dar tiegħi għandi l-qaddej mixħut, mifluġ u batut wisq.” (v. 6) Lanqas biss għandu l-ħila jgħidlu ‘fejjaquli’, imma qed jgħidlu s-sitwazzjoni tiegħu. Ġesù, bl-imħabba tal-Qalb Imqaddsa tiegħu, jagħraf il-bżonn u r-risposta tiegħu hi: “Niġi jien infejqu.” “Ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi iżda int għid kelma biss u l-qaddej tiegħi ifiq.”
Nirringrazzjakom f’isem il-poplu Malti ta’ dak kollu li tagħmlu f’tant operazzjonijiet ta’ salvataġġ.
Il-Mulej Ġesù huwa ħerqan li għall-istedina tagħkom, għeżież membri tal-Armata, jidħol fil-ħajja tagħkom mhux biex joħdilkom postkom, imma biex iġibilkom il-fejqan, is-serħan tal-moħħ u, bħalma tlabna fil-bidu ta’ din il-quddiesa, li hija t-talba tal-Knisja, “aħna wlied id-dawl m’aħniex ulied id-dlam”. Kultant l-ambjent ta’ madwarna jfakkarna fid-dlam, fid-dlam tal-ħażen, imma l-Mulej bil-grazzja u bil-maħfra tiegħu jġeddidna ta’ kuljum bħala wlied id-dawl. U tlabna flimkien mal-Knisja llum biex aħna “nibqgħu dejjem imdawla bid-dija tal-verità tiegħek”.
Jiena nixtieq nirringrazzjakom f’isem il-poplu Malti ta’ dak kollu li tagħmlu f’tant operazzjonijiet ta’ salvataġġ. Kultant ikollkom tirkupraw katavri mill-baħar, imma jekk hemm avveniment li huwa xhieda ta’ dak kollu li tippruvaw tagħmlu għall-pajjiż, huwa s-salvataġġ ta’ dawk iż-żewġ żgħażagħ fuq l-irdumijiet meta anke l-ġenituri tagħhom kienu qatgħu qalbhom li kienu se jaraw lil uliedhom ħajjin. Kontu intom, wara li avżakom ċittadin, li mortu u salvajtuhom.
Kemm hi ħaġa sabiħa meta l-koperazzjoni bejn is-soċjetà ċivili u l-armata toħloq narrativ sabiħ, pożittiv, ta’ koperazzjoni reċiproka. Fl-istess ħin bħala soċjetà aħna nsewdu qalbna meta l-vjolenza tirbaħ fuq ċittadin mingħajr difiża, ikun min ikun, tkun min tkun. Għalina hija disfatta għaliex nimmaġina li l-armata tieħu pjaċir iżjed tmur u ssalva bniedem milli tara crime scene fejn l-isplussiv qatta’ biċċiet mara innoċenti, għamlet x’għamlet u qalet x’qalet. Kontu hemm intom imma dakinhar ma stajtu tagħmlu xejn ħlief taraw x’ġara.
Jalla intom tkunu wkoll strument ta’ ġustizzja mingħajr ma tħarsu lejn l-uċuħ u mingħajr biża’. Hekk għandna bżonn li tkunu u għalhekk huwa dover tagħna li nitolbu għalikom, nappoġġjawkom u nsegwukom b’imħabba kbira. Il-Mulej ibierek il-ħidma tagħkom.
Ippermettuli l-aħħar kumment. Ħadt pjaċir li l-Logutenent Muscat qrat is-Salm Responsorjali u fakkritni mhux biss fin-nisa vittmi tal-vjolenza imma wkoll fil-kumplament tan-nisa li huma parti integrali tal-ħajja tagħna. Fil-ħajja tal-armata, intom in-nisa ilkom iżjed minn 30sena bħala parti integrali mill-isforzi tagħkom għas-sigurtà tal-pajjiż. Imma f’dan il-jum li fih niċċelebraw is-70 anniversarju mid-dritt tal-vot għan-nisa, irridu nsellmu lil kull mara f’pajjiżna, nibdew mill-President tar-Repubblika. Nitolbu biex is-soċjetà tagħna tkompli tiżviluppa f’soċjetà li tinkludi l-ġenju femminili u l-ġenju maskili f’sinteżi sabiħa. Aħna rridu nagħtu omaġġ lil tant ommijiet, lil tant nisa li jaħdmu fid-dar tagħhom fis-skiet, lil tant għalliema, lil tant nisa li qegħdin fl-arti, fis-soċjetà, fil-kummerċ, f’kull qasam. Anke huma, bħal kulħadd, għandhom bżonn is-sigurtà li tista’ toffri l-armata. Agħtuna l-grazzja bil-ħidma tagħkom li ngħixu f’pajjiż fejn inħossuna siguri, protetti u qatt mhedda.
Il-Mulej iberikkom.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
-
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja