-
L-Adozzjoni minn koppji ta’ l-istess sess: stqarrija mill-Isqof Charles J Scicluna
-
Skont id-duttrina kostanti tal-Knisja Kattolika, meta tkun qed issir diskussjoni jew leġiżlazzjoni dwar l-adozzjoni ta’ minuri, l-aktar prinċipju importanti għandu jkun dejjem il-promozzjoni tal-aħjar interess tat-tifel jew tat-tifla.
It-tifel jew it-tifla għandhom dritt li jkunu jafu lill-ġenituri tagħhom u li jitrabbew mill-istess ġenituri: fil-każi kollha minn raġel u mara (Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar il-Jeddijiet tat-Tfal 1989, artiklu 7, taqsima 1).
F’dawk il-każi fejn it-tifel jew it-tifla ma jkunux jistgħu jitrabbew mill-ġenituri tagħhom, il-ġenituri adottivi għandhom jimxu mal-mudell naturali ta’ omm – missier. L-adozzjoni minn ġenitur wieħed hija eċċezzjoni.
Ma hemm ebda jedd ta’ paternità jew maternità; ma hemm ebda jedd ta’ adozzjoni. Hemm id-dritt tat-tifel jew tat-tifla li jkunu ndukrati.
Il-Knisja hija kontra li t-tfal jitpoġġew f’ambjent fejn l-esperjenza komuni u naturali ta’ mħabba konjugali bejn raġel u mara tkun sostitwita minn relazzjoni kważi-matrimonjali bejn raġel u raġel, jew bejn mara u mara. Ejjew ma nilgħabux mal-innoċenza tat-tfal tagħna.
L-Att dwar l-Unjoni Ċivili jemenda l-liġi dwar il-Filjazzjoni: il-liġi li tiddeterimina min għandu jkun meqjus bħala ġenitur. Din tintroduċi żewġ settijiet ġodda ta’ ġenituri legali: żewġ irġiel, jew żewġ nisa.
Kif se jsemmgħu leħinhom it-tifel jew it-tifla f’din il-kwistjoni? Min se jagħżel jekk it-“Tarbija A” tkunx mogħtija omm u omm minflok missier u missier? Kif se tkun affettwata t-trobbija ta’ tfal adottati?
Din hija bidla fundamentali fil-mod ta’ kif hija mibnija s-soċjetà Maltja. Aħna nemmnu li dan l-iżvilupp mhux ta’ ġid għall-minuri u għas-soċjetà inġenerali. Din mhix bidla dwar id-drittijet ta’ persuni gay imma dwar il-ħolqien ta’ familja ġdida fejn il-prinċipju fundamentali mhux iż-żwieġ bejn raġel u mara, imma kull tip ta’ sħubija soċjali.
F’dan il-kuntest, aħna nagħtu l-appoġġ tagħna għal sejħiet biex isir studju li jqies l-impatt fuq ix-xena Maltija.
✠ CHARLES J. SCICLUNA
Isqof Awżiljarju u Vigarju Ġenerali ta’ Malta