L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Illum qegħdin naqraw dan l-Evanġelju, li hu pjuttost twil, allura l-omelija trid tkun qasira biex inpattu naqra. Ħsieb qasir ispirat propju minn dan id-djalogu u qawwi bejn ħafna protagonisti. Imma nnutaw Ġesù, u hekk jibda dan l-Evanġelju, “kien għaddej u jilmaħ raġel għama minn twelidu” (Ġw 9:1). ’Il quddiem nirrealizzaw ukoll li dan l-għama minn twelidu, peress li ma setax jaħdem, kien emarġinat fis-soċjetà, kien tallab, hekk kien jgħix. Ġesù jiltaqa’ miegħu f’din il-kundizzjoni ta’ tallab, ta’ wieħed li mit-twelid m’għandux il-kapaċità jara u jagħraf, allura mit-twelid.

Dan l-Evanġelju jintgħażel bi tħejjija għall-magħmudija u għat-tiġdid tal-magħmudija li se nagħmlu fl-Għid il-Kbir għax il-magħmudija ukoll kienet tissejjaħ il-passaġġ u l-mixja tal-imdawlin. Għadna kemm smajna wkoll li San Pawl ikellem lill-komunità ta’ Efesu u jgħidilhom l-istess tixbiha: “Intom kontu darba dlam imma issa intom dawl fil-Mulej; għixu ta’ wlied id-dawl li intom” (Efes 5:8).

Mela li tkun Nisrani hu li tkun wild id-dawl, li tifhem li għandek bżonn il-Mulej biex jagħtik d-dawl veru fuqek innifsek, fuq ħaddieħor, fuq Alla nnifsu u fuq id-destin tiegħek. Fil-fatt il-konklużjoni tal-Evanġelju hu djalogu qasir ħafna imma qawwi bejn Ġesù u l-għorrief tal-liġi li jippretendu li jifhmu tant li meta l-għama li beda jara jispjegalhom kif jaħsibha hu, jgħidulu: “Int se tgħallem lilna?” (Ġw 9:34) u jkeċċuh.

U lil Ġesù jgħidulu: “Imma allura aħna għomja?” Ġesù jgħidilhom: “Jekk intom taħsbu li taraw allura għadkom għomja” (ara Ġw 9:40-41). Xi trid tfisser din il-ħaġa? Jekk inti mingħalik li mingħajr Alla se tifhem min inti, x’inhi ħajtek, min hu ħaddieħor, x’inhu d-destin tiegħek, allura se tibqa fl-għama. Id-dawl li jagħtina Ġesù mhuwiex id-dawl fiżiku. Hemm uħud li ma jarawx imma għandhom id-dawl ta’ Ġesù. Bl-età forsi nikbru fl-għerf, nisseparaw u nawguraw li nikbru fl-għaqal imma l-vista tibda titbaxxa għax mhux kwistjoni ta’ vista mil-lat fiżiku imma hi kwistjoni tal-qalb. L-affarijiet ta’ vera ma tarahonx bl-għajnejn imma bil-qalb. Aħna l-Maltin għandna din l-espressjoni sabiħa: il-qalb tifhem.

Allura Ġesù, meta qed jagħtina dan id-dawl, qed irattab il-qalb tagħna, qed jagħtina kapaċità li naraw, li nagħrfu lilna nfusna, lil ħaddieħor, is-sitwazzjonijiet tal-ħajja f’dawl ġdid, fid-dawl veru.

L-Evanġelju wkoll kien kelma qawwija speċjalment meta nkiteb għax kienet esperjenza komuni li min ikun Nisrani jħossu mkeċċi mis-soċjetà mhux biss mis-sinagoga tal-Lhud imma anke fl-imperu. Kien hemm il-persekuzzjonijiet, ibda minn dik ta’ Neruni li qatlet ħafna Nsara, ma kinitx ħaġa faċli li inti tagħżel li tkun Nisrani. Jista’ jkun li din l-esperjenza għadha magħna. Il-Mulej jagħmlilna kuraġġ. Id-dawl li jagħtina u li mistednin nħaddnu, għandu prezz. Isimgħu lil San Pawl jgħidilna: “Għixu ta’ wlied id-dawl li intom; frott d-dawl jinsab f’kulma hu tjieba, f’kulma hu ġustizzja, f’kulma hu verità” (Efes 5:8-9). Dak hu l-eżami għalina l-Insara, l-aħwa, dak hu l-kriterju. Jiena qed ngħix fid-dawl ta’ Ġesù? San Pawl juża dawn it-tliet kelmiet għeżiez: tjieba, ġustizzja, verità. Imbagħad jitkellem ukoll fuq l-għemejjel tad-dlam u jgħidlna: “Aħarbuhom l-għemejjel tad-dlam, dak li mhux tjieba, dak li mhux ġustizzja, dak li mhux verità, aħarbuh għax intom ulied id-dawl”.

U l-kelma li biha jagħmlilna kuraġġ l-Appostlu Missierna hi kelma li se tipreparana għall-Ħadd li ġej, il-ħadd tal-qawmien ta’ Lazzru mill-imwiet u għall-Għid il-Kbir li issa verament qrib. “Stenbaħ int li int rieqed u qum mill-imwiet ħa jiddi fuqek Kristu” (Efes 5:14).

Ġesù, meta qed jagħtina dan id-dawl, qed irattab il-qalb tagħna, qed jagħtina kapaċità li naraw, li nagħrfu lilna nfusna, lil ħaddieħor, is-sitwazzjonijiet tal-ħajja f’dawl ġdid, fid-dawl veru.

Din hi l-esperjenza tal-adulti li se jitgħammdu. Min isegwi din il-quddiesa nhar ta’ Ħadd seta’ jara lil dawn ħutna li fil-Ħdud li għaddew u issa anke fl-Għid il-Kbir jersqu lejn il-Knisja bix-xewqa li jitgħammdu, imbagħad jitgħammdu f’Sibt il-Għid. Imma hi wkoll għalina għax din il-kelma li inti tqum mill-imwiet u tħalli lil Kristu jiddi fuqek, mhix kwistjoni biss tal-magħmudija. Għalina li ġa tgħammidna u kultant nagħżlu d-dlam, hemm il-qrar. Il-qrara għand is-saċerdot midneb, għax aħna lkoll midinbin imma għandu dil-qawwa minn Ġesù, il-qrar għand is-saċerdpt hi magħmudija ġdida, terġa’ tqajmek mill-imwiet tad-dnub u jiddi fuqek Kristu bl-imħabba u l-ħniena tiegħu. “Sakemm għadni fid-dinja jiena d-dawl tad-dinja,” jgħid Ġesù. Il-Mulej qiegħed magħna. Ejjew nilqgħuh bħala dak li jagħmel il-ħaqq bil-ġustizzja u jiddi fuqna bil-ħniena tiegħu.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: 1 Sam 16:1b,6-7,10-13a
Salm: 22 (23):1-3a,3b-4,5,6
Qari II: Ef 5:8-14
L-Evanġelju: Ġw 9:1-41

Aktar ritratti