L-aħħar taħdita għal din is-sena, fis-serje Żwieġ b’Sahhtu ser issir fit-23 ta’ April 2013 fis-Sala San Pawl tal-Istitut Kattoliku, l-Furjana, fis-7 ta’ filgħaxija. Dakinhar ser ikollna magħna lil Mons. Anton Gouder li ser jispjegalna li:
“Il-familja hi bħal kaboċċa!”
Biex tkun b’saħħitha, il-familja għandha ħafna bżonnijiet u drittijiet – impjieg fis-sod; dar xierqa; sistema ta’ saħħa; mistrieħ u rikreazzjoni.
Flimkien ma’ dawn l-aspetti, bħala nsara, għandna aspett speċjali: għalina ż-żwieġ huwa fuq kollox sagrament. Jiġifieri ż-żwieġ huwa rigal speċjali mogħti lilna minn Ġesu Kristu biex permezz tiegħu l-miżżewġin jirċievu wkoll l-għajnuna ta’ Alla f’ħajjiethom.
Il-familja nisranija li tgħix is-sagrament taż-żwieġ tirċievi din l-għajnuna ta’ Alla il-ħin kollu u f’kull aspett ieħor. Tgħix u tħares lejn il-ħajja b’viżjoni differenti. Tagħti prijorita’ mhux dak li jgħaddi u jispiċċa, imma dak li jibqa’ għal dejjem; mhux dak li jaqblilha, imma dak li jibni u hu sewwa. Dan ifisser li bis-sagrament taż-żwieġ, il-membri tal-familji jgħixu s-sejħa li jagħmlilhom il-Mulej u ż-żwieġ u l-familja jkunu għalihom it-triq li tgħaqqadhom ma’ Alla li jemmnu fiH.