Nhar it-Tnejn 14 ta’ Novembru 2022, żewġ arazzi uniċi minsuġa fuq id-disinn tal-artist ta’
fama mondjali Peter Paul Rubens irritornaw Malta wara restawr li sarilhom fil-Belġju. Iż-żewġ arazzi li jiffurmaw minn sett ta’ disa’ u għoxrin, kienu l-aħħar żewġ arazzi li ntbgaħtu għar-restawr fl-2017. Huma juru xena tal-Annunzazzjoni ta’ Marija, u l-Erba’ Evanġelisti. Dan is-sett ġie trasportat lejn Malta grazzi għal Challenge Group, konglomerazzjoni internazzjonali tal-merkanzija bl-ajru li qed jopera għall-ewwel darba f’Malta.
Dan il-proġett li issa ġie ffinalizzat, beda fl-2006 meta l-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann bagħtet l-ewwel sett ta’ arazzi għand il-manifatturi Rjali, id-De Wit Laboratories fil-Belġju għar-restawr.
Dan is-sett kien ikkummisjonat mill-Gran Mastru Ramon Perellos y Roccaful, u meta laħaq Gran Mastru xtaq li jsebbaħ il-Knisja Konventwali ta’ San Ġwann il-Belt Valletta b’serje ta’ arazzi, li kienu jiddendlu f’diversi festi. Is-sett wasal fil-knisja ta’ San Ġwann fl-1702. Huwa wieħed mill-ikbar settijiet ta’ arazzi minsuġa fi Żmien il-Barokk.
L-estenzjoni tal-mużew il-ġdid li għaddej ix-xogħol fuqu se tinkludi fiha din il-kollezzjoni fis-Sala tal-Arazzi – b’ambjent ideali, b’użu adekwat ta’ dawl, kontroll tal-klima u mezzi didattiċi.
Il-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann tixtieq tirringrazzja lill-Ambaxxatur Malti għall-
Belġju l-E.T. is-Sur Clint Tanti, lis-Sur Edward Micallef, general manager ta’ Challenge Group, u lill-Kaptan Christopher Pace li organizza r-ritorn tal-Arazzi. Il-Fondazzjoni tirringrazzja wkoll lil De Wit Laboratories fil-Belġju, Transpak Malta, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali u l-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali.