-
-
Francisco u Giacinta Marto, iż-żewġ aħwa ta’ Fatima, se jiġu ddikjarati qaddisin nhar it-13 ta’ Mejju li ġej.
Dan ifisser li l-kanonizzazzjoni tal-aħwa Portugiżi se ssir waqt il-vjaġġ apostoliku li l-Papa Franġisku se jkun qed jagħmel ġo Fatima fit-12 u t-13 ta’ Mejju, fl-okkażjoni tal-100 sena mid-dehriet tal-Verġni Marija.
L-aħwa Marto kienu mietu ftit snin wara d-dehriet mirakolużi tal-Madonna, meta Franġisku kellu 11-il sena u Giacinta għalqet l-10 snin.
Minbarra Francisco u Giacinta, dalgħodu wkoll, waqt il-Konċistorju li l-Papa Franġisku kellu mal-kardinali u l-promoturi li jieħdu ħsieb il-proċessi ta’ kanonizzazzjoni, ħabbar li fil-15 ta’ Ottubru se jagħmel ukoll qaddis lil Angelo da Acri, patri kapuċċin li fis-seklu 17 u 18 kien ixandar il-Kelma tal-Mulej f’Napli b’lingwaġġ li jifhmu l-poplu.
Se jsiru wkoll qaddisin 33 beati mill-Brażil u l-Messiku, li nqatlu minħabba l-promozzjoni tal-fidi.
Sors: Vatican Radio