Dan l-aħħar kienu bosta dawk, fost il-qarrejja ta’ din il-gazzetta, li staqsew għal tagħrif dwar il-fenomeni ta’ Medjugorje, u x’inhi l-pożizzjoni tal-Knisja dwarhom. Il-fenomeni li tant intqal dwarhom fl-aħħar 40 sena bdew sewwasew fl-1981 fir-raħal ta’ Medjugorje li jinsab fid-djoċesi ta’ Mostar fil-Bosnija-Ħerzegovina. Meta beda l-allegat fenomenu kienet għadha teżisti l-Jugoslavja, pajjiż li aktar tard inqasam f’għadd ta’ pajjiżi indipendenti.
Il-fenomenu beda meta jingħad li l-Madonna dehret lil sitt żgħażagħ u waslitilhom bosta messaġġi tul is-snin sal-ġurnata tal-lum. Iż-żgħażagħ li llum huma rġiel u nisa ta’ età matura ta’ ’l fuq minn 50 sena huma Ivan Dragićević, Ivanka Ivanković, Jakov Čolo, Marija Pavlović, Mirjana Dragićević u Vicka Ivanković. Jingħad li kien l-24 ta’ Ġunju 1981 li tnejn miż-żgħażagħ, Ivanka u Mirjana, qalu li raw il-Madonna f’dawl fuq il-Muntanja Podbrdo. Aktar tard, ingħaqdu magħhom l-oħrajn.
Fl-aħħar 40 sena, saru eluf ta’ pellegrinaġġi lejn Medjugorje minn bosta partijiet tad-dinja, l-aktar minn Insara Ewropej. Id-dibattitu dwar dawn il-fenomeni ma naqasx, u tul is-snin inqalgħu bosta ġrajjiet li jikkonċernaw l-isqfijiet tal-post jew minn djoċesijiet oħra, l-Ordni tal-Franġiskani Minuri (ta’ Ġieżu), kif ukoll xi kardinali li tkellmu favur il-fenomenu, jew tqabbdu mill-papiet biex jinvestigaw dak li kien għaddej u jagħmlu xi konklużjonijiet.
Sa mill-aħħar 20 sena tas-seklu 19, u matul is-seklu 20, kien hemm bosta problemi bejn l-Ordni Franġiskan li kien mifrux ħafna fil-Bosnija u d-djoċesijiet ġodda li twaqqfu. Għal ħafna u ħafna snin kien hemm taqtigħa ħarxa dwar in-numru ta’ parroċċi li l-Franġiskani setgħu jżommu u kemm minnhom jgħaddu lill-kleru djoċesan. Dawn id-diffikultajiet baqgħu sa żminijietna bejn l-Isqof Pavao Žanić (1918-2000) ta’ Mostar u l-Patrijiet ġie li kienu s-suġġett ta’ xi allegati messaġġi tal-Madonna.
Barra minn hekk, hu interessanti ninnutaw kif irreaġixxa l-Gvern Komunista li matul is-snin 80 kien għadu fil-poter fil-Jugoslavja. Għall-bidu, il-Gvern interpreta l-fenomenu bħala theddida minn gruppi Nsara, imma aktar tard, minn nofs is-snin 80, il-Gvern ra li l-fenomenu kellu potenzjal ekonomiku qawwi peress li kienu ħafna li bdew iżuru Medjugorje. Fil-fatt, ironikament, il-Gvern Komunista beda juri l-appoġġ tiegħu billi għen fil-pubblikazzjoni ta’ kotba dwar il-Madonna ta’ Medjugorje, u billi ordna li l-linja tal-ajru Jugoslava tibda titjiriet diretti lejn il-post mill-Italja.
L-Isqof Pavao Žanić, kif kien id-dmir tiegħu, waqqaf kummissjoni djoċesana biex tistudja l-allegati fenomeni. Din ħadmet bejn l-1982 u l-1984. ’Il quddiem żied aktar esperti professjonali f’din il-kummissjoni li kompliet il-ħidma tagħha sal-1986. Il-konklużjoni f’Mejju 1986 kienet li l-kummissjoni ma setgħetx tistabilixxi li l-allegati dehriet kienu ta’ natura sopranaturali, jiġifieri ma kinux ġejjin minn Alla. Komplew id-diffikultajiet bejn l-Isqof u l-Franġiskani, speċjalment wara li ngħad li l-patrijiet kienu mmanipulaw l-allegati veġġenti u l-allegati messaġġi tal-Madonna dwar ir-rwol tal-Franġiskani.
Kien f’Jannar 1987, li l-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi ssuġġeriet li l-investigazzjoni tgħaddi mill-Isqof Žanić lill-Konferenza tal-Isqfijiet Jugoslavi. Eventwalment din waslet għall-istess konklużjoni tal-kummissjoni djoċesana li kienet temmet l-istudju tagħha fl-1986. Fil-fatt f’April 1991 l-Isqfijiet tal-pajjiżi, li sal-1990 kienu parti mill-Jugoslavja, ukoll stqarrew li ma sabu xejn sopranaturali fil-fenomenu.
Aktar tard, l-Isqof il-ġdid ta’ Mostar, Ratko Perić (1944- ), f’Ottubru 1997 stqarr dan dwar l-allegat fenomenu tad-dehriet tal-Madonna: li mhux talli n-natura sopranaturali tal-fenomenu ma tistax tkun stabbilita (non constat de supernaturalitate), imma li l-fenomenu mhuwiex sopranaturali (constat de non supernaturalitate).
Fl-2006, l-Isqof Perić żar lill-Papa Benedittu XVI f’Ruma biex ikompli jgħarrfu dwar il-każ. Jingħad, skont Perić, li l-Papa Benedittu stqarr: “… li aħna fil-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi [li hu kien imexxi sal-2005, meta sar papa], dejjem staqsejna lilna nfusna kif Nisrani seta’ jemmen fenomenu ta’ dehriet li kienu jseħħu kuljum u għal tant snin.” Barra minn dan, kien hemm il-każ ta’ Tomislav Vlašić, wieħed mid-diretturi spiritwali tal-bidu tal-allegati veġġenti li kien lajċizzat wara imġiba sesswali immorali, u li aktar tard kien ġie skomunikat wara li waqqaf setta fl-Italja.
Bejn l-2010 u l-2014, is-Santa Sede afdat lill-Kardinal Camillo Ruini (1931- ) biex imexxi kummissjoni ta’ kardinali, teoloġi, psikoloġi u kanonisti biex jinvestigaw il-fenomeni ta’ Medjugorje. Din il-kumissjoni għamlet distinzjoni bejn l-allegati dehriet ta’ bejn l-24 ta’ Ġunju u t-3 ta’ Lulju 1981, u dak kollu li seħħ wara, li kien influwenzat mill-inkwiet bejn il-Franġiskani u l-Isqof djoċesan, meta wkoll l-allegati dehriet bdew ikunu pre-annunċjati u kważi programmati, anki jekk il-veġġenti kienu spiss jgħidu li l-fenomenu kien se jintemm. Il-Kummissjoni Ruini kellha hi stess varjetà ta’ opinjonijiet fi ħdanha, filwaqt li l-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi esprimiet ir-riżervi tagħha. F’April 2017, il-Kardinal Müller (1947- ), Prefett tal-Kongregazzjoni saħaq li wieħed m’għandux jifred l-aspett pastorali marbut ma’ Medjugorje mill-awtentiċità jew le tal-fenomenu.
Fi Frar 2017, il-Papa Franġisku ħatar lill-Isqof Pollakk Henryk Hoser (1942-2021) biex ikun mibgħut speċjali biex jistudja l-aspett pastorali fir-rigward tal-pellegrini f’Medjugorje. Dan ta rapport lill-Papa fis-sajf tal-istess sena.
Nhar it-13 ta’ Mejju 2017, il-Papa Franġisku, mingħajr ma approva l-allegati dehriet, qal li l-allegati dehriet tal-bidu huma ta’ min jistudjahom fil-fond, filwaqt li l-kontinwazzjoni tagħhom sal-lum, fl-opinjoni tiegħu, tqanqal għadd ta’ dubji. Il-Papa saħaq li hu minnu li ħafna nies imorru Medjugorje u jgħaddu minn esperjenzi spiritwali qawwija u saħansitra jġarrbu konverżjoni, u li dan kollu hu ħaġa tajba u ta’ min ifaħħarha.
F’Mejju 2018, il-Papa reġa’ bagħat lill-Isqof Hoser biex ikompi jiżen il-bżonnijiet pastorali tal-pellegrini f’Medjugorje, filwaqt li tah żmien indefinit biex itemm l-istudju tiegħu.
Minħabba l-valur pastorali u spiritwali ta’ dak kollu li jseħħ f’Medjugorje, il-Papa neħħa l-projbizzjoni li jsiru pellegrinaġġi organizzati fit-12 ta’ Mejju 2019. Din id-deċiżjoni saret uffiċjali meta f’Medjugorje saret laqgħa kbira għaż-żgħażagħ bejn l-1 u s-6 t’Awwissu 2019, li għaliha kienu preżenti ħafna pellegrini u saċerdoti. Is-Santa Sede, b’mod diskret u kawt, saħqet li dan il-permess mhu bl-ebda mod xi forma ta’ approvazzjoni tal-fenomenu li jeħtieġ aktar studju.
Hu fatt li f’każi bħal dawn, u dehriet oħrajn li ġraw qabel f’diversi postijiet tad-dinja, il-Knisja qatt ma tippronunċja ruħha dwar il-verità jew le ta’ dehra qabel ma l-fenomenu jkun ġie fi tmiemu. Peress li xi wħud mill-allegati veġġenti għadhom jirċievu xi messaġġi f’xi jiem partikulari tas-sena, għaldaqstant jista’ jingħad li l-fenomenu għadu ma ġiex fi tmiemu.
Il-fatt hu li ma’ dak li jidher li hu qaddis, seħħew bosta fatti li jqanqlu suspett, bħal meta, għal tilwim fin-negozju bejn xi lukandi fil-post, jingħad li xi ħadd mill-allegati veġġenti kkonsultat lill-Madonna dwar dan. Hemm ukoll id-djarju ta’ waħda mill-veġġenti li jidher li kien imbagħbas fil-kontenut tiegħu. Hemm ukoll l-allegat involviment tal-Camorra f’xi negozji marbuta mal-pellegrinaġġi f’Medjugorje, kif ukoll ma’ tliet lukandi, servizzi ta’ gwidi tal-post u xi ħwienet ta’ souvenirs. Hemm ukoll għadd ta’ kontradizzjonijiet rigward id-deskrizzjoni li taw il-veġġenti dwar l-ewwel allegati dehriet. Il-parir negattiv tas-soċjoloġi u tal-psikoloġi dwar l-allegati veġġenti fih ħafna piż ukoll.
Min-naħa tas-Santa Sede, jidher li l-każ għadu ma ngħalaqx. Wieħed irid jistenna stqarrija awtorevoli li tkun waħda finali. Fl-istess ħin, jidher li s-Santa Sede qed timxi din it-triq b’ħafna prudenza, għax trid tagħżel b’reqqa bejn dak li jista’ jkun ingann, fuq naħa waħda, u fuq l-oħra, il-fidi u d-devozzjoni popolari ta’ ħafna Kattoliċi li għamlu esperjenzi spiritwali profondi fil-post. Dan l-aspett waħdu, għalkemm hu ħaġa tajba, ma jippruvax l-awtentiċità tad-dehriet.
Dan l-artiklu nkiteb minn Mons. Hector Scerri, Professur tat-Teoloġija Dommatika fl-Università ta’ Malta, u ġie ppubblikat f’‘Il-Leħen’ fis-7 ta’ Novembru 2021.