L-Altezza Rjali Tiegħu l-Prinċep Edward, Duka ta’ Edinburgh, illum waranofsinhar żar id-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi, fejn iltaqa’ ma’ paraatleti Maltin. Waqt din iż-żjara sinifikanti, id-Duka ltaqa’ wkoll mar-residenti tad-Dar, impjegati, voluntiera, tfal tal-iskola u diversi komunitajiet sportivi.
Mal-wasla tiegħu, l-Altezza Rjali Tiegħu ġie milqugħ minn Dun Martin Micallef, Vigarju Episkopali għad-Djakonija u Direttur tad-Dar tal-Providenza, flimkien mal-Prof. Joseph N. Grima, President tal-Kumitat Paralimpiku Malti u tas-Siġġiewi Rowing Club. Fost id-dinjitarji preżenti kien hemm Mons. Joseph Galea-Curmi, Isqof Awżiljarju ta’ Malta, l-Onor. Julia Farrugia, Ministru tal-Inklużjoni u s-Settur tal-Volontarjat, l-Onor. Graziella Galea, Shadow Minister għall-Inklużjoni u s-Settur tal-Volontarjat u l-Perit Julian Borg, Sindku tas-Siġġiewi.
Matul iż-żjara tiegħu, id-Duka ltaqa’ ma’ plejers mill-Malta Wheelchair Basketball u Frame Football, kif ukoll segwa wirja ta’ żfin fuq siġġu tar-roti mmexxija mis-Sinjura Pippa Roberts fis-sala prinċipali tad-Dar tal-Providenza. Huwa ltaqa’ wkoll ma’ qaddiefa, para qaddiefa u uffiċjali tas-Siġġiewi Rowing Club li jużaw il-gym tad-Dar tal-Providenza għat-taħriġ regolari tagħhom. Id-Duka ngħata tagħrif ġenerali dwar l-inklussività tal-klabb, li jġib flimkien atleti b’diżabilità fiżika, intellettwali u b’nuqqas ta’ dawl li jitħarrġu flimkien ma’ wħud mill-aqwa qaddiefa ta’ Malta.
Fi tmiem iż-żjara tiegħu, id-Duka ppresieda ċerimonja ta’ għoti ta’ ċertifikati għar-rebbieħa tal-“Kompetizzjoni tal-Iskejjel tal-Logħob Paralimpiku ta’ Pariġi 2024”, li għaliha ħadu sehem tfal tal-iskola u l-familji tagħhom. Il-kompetizzjoni laqqgħet tmien skejjel u involviet aktar minn 50 parteċipant f’ċelebrazzjoni ta’ inklussività u sport. Din kienet waħda minn diversi inizjattivi mill-Kumitat Paralimpiku Malti bil-għan li tqajjem kuxjenza u toħloq wirt għal-logħob paralimpiku ta’ Pariġi 2024. Biex tippromwovi l-impenn u l-għarfien tal-isports adattiv, il-kompetizzjoni kellha l-għan li tispira lill-edukaturi biex jippromwovu sports aktar inklużiv u tinkoraġġixxi lill-ġenerazzjoni futura biex jagħmlu impatt dejjiemi fl-iskejjel.
Il-Kumitat Paralimpiku Malti, membru sħiħ tal-Kumitat Paralimpiku Internazzjonali, huwa l-uniku korp governattiv nazzjonali rikonoxxut responsabbli mill-iżvilupp u l-promozzjoni tal-isport paralimpiku u l-parasport f’Malta u Għawdex.
Id-Dar tal-Providenza hija għaqda mhux governattiva mmexxija mill-Knisja li toffri servizzi residenzjali għal individwi b’diżabilità f’Malta. Hija tagħti s-saħħa lill-persuni b’diżabilità li jemmnu fihom infushom f’ambjent li jixbah il-familja u li jkabbar u jimmassimizza l-abbilitajiet tagħhom.
Sal-1962, il-bini li żar illum id-Duka ta’ Edinburgh serva bħala Royal Navy Rest Camp.