Il‑Kummissjoni Dottrinali tgħin lill‑Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex biex ixandru u jħarsu tajjeb it‑tagħlim ġenwin tal‑fidi Kattolika. Il‑Kummissjoni ġġib ’il quddiem ir‑riflessjoni teoloġika fil‑gżejjer tagħna. Għal dan il‑għan, hija tikkollabora mal‑għalliema tal‑Fakultà tat‑Teoloġija fl‑Università ta’ Malta u tas‑seminarji fil‑gżejjer tagħna, ma’ istituti ta’ formazzjoni teoloġika u pastorali f’pajjiżna u barra, u ma’ esperti oħra. Hija tfittex djalogu sinċier u miftuħ mal‑bnedmin kollha ta’ rieda tajba.
Il‑Kummissjoni tagħti s‑sehem tagħha biex, fi kliem il‑Papa Franġisku, il‑Knisja f’Malta u Għawdex tkun “Knisja li ‘toħroġ’” jiġifieri “l‑komunità ta’ dixxipli missjunarji li jieħdu inizjattiva, li jinvolvu ruħhom, li jsieħbu lill‑oħrajn, li jagħmlu l‑frott u jiffesteġġjaw … Tgħix bix‑xewqa bla temma li toffri ħniena, u dan ġej mill‑fatt li hi stess daqet mill‑ħniena infinita tal‑Missier u l‑qawwa tiegħu bla tarf … B’konsegwenza ta’ dan, il‑Knisja taf ‘tinvolvi’ ruħha. Ġesù ħasel riġlejn id‑dixxipli tiegħu. Il‑Mulej jinvolvi ruħu hu u jinvolvi lil dawk li huma tiegħu, jinżel għarkupptejh quddiem l‑oħrajn biex jaħsilhom. Imma dritt wara hu jgħid lid‑dixxipli tiegħu: ‘Jekk dawn il‑ħwejjeġ tafuhom, henjin intom jekk tagħmluhom’ (Ġw 13:17). Il‑komunità li tevanġelizza, b’għemejjel u ġesti, tidħol fil‑ħajja ta’ kuljum tal‑oħrajn, tqassar id‑distanzi, titbaxxa sal‑punt tal‑umiljazzjoni jekk hemm bżonn, u tħaddan il‑ħajja umana, tmiss il‑ġisem ta’ Kristu li jbati fil‑poplu tiegħu.
[Hija Knisja li] “tiċċelebra u tagħmel festa għal … kull pass ’il quddiem fl‑evanġelizzazzjoni. L‑evanġelizzazzjoni ferrieħa turi ġmielha fil‑Liturġija fil‑kuntest tal‑bżonn li kuljum tara li xxerred u tkabbar il‑ġid. Il‑Knisja tevanġelizza u tirċievi l‑evanġelizzazzjoni mill‑ġmiel tal‑Liturġija, għax anki din hi ċelebrazzjoni tal‑ħidma tal‑evanġelizzazzjoni u għajn ta’ enerġija mġedda biex hi tingħata” (Papa Franġisku, Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium, 24 ta’ Novembru 2013, nru 24).
Il‑Kummissjoni Dottrinali tfakkar fiċ‑ċentralità ta’ Ġesù Kristu għall‑Knisja tiegħu. Il‑Knisja mhijiex sempliċi organizzazzjoni bħal ħafna oħrajn li hawn fid‑dinja. Il‑Papa Benedittu XVI jgħallimna li “ma jistax ikollna lil Ġesù mingħajr ir‑realtà li hu waqqaf u li permezz tagħha jikkomunika lilu nnifsu. Bejn l‑Iben ta’ Alla magħmul bniedem u l‑Knisja tiegħu hemm kontinwità profonda, misterjuża u li ma tinkisirx – kontinwità li permezz tagħha Kristu huwa preżenti llum fost il‑Poplu tiegħu.
“Ġesù huwa dejjem kontemporanju magħna, huwa dejjem kontemporanju mal‑Knisja mibnija fuq l‑appostli, u ħajja fis‑suċċessjoni tal‑appostli. U l‑preżenza tiegħu fil‑komunità, li fiha huwa dejjem magħna, hi r‑raġuni għall‑ferħ tagħna” (Papa Benedittu XVI, Katekeżi waqt l‑Udjenza Ġenerali tal‑15 ta’ Marzu 2006).
Bi kliemha u ħidmietha, il‑Kummissjoni Dottrinali tixtieq tgħin lill‑komunità Nisranija tesperjenza l‑ġmiel, il‑ferħ u l‑qawwa feddejja tal‑Mulej Irxoxt fil‑mixja tagħha lejn il‑milja tal‑ħajja.
President tal-Kummissjoni:
Mons. Prof. Hector Scerri
Membri tal‑Kummissjoni:
Rev. Dr Carlo Calleja
Rev. Christopher Caruana OP
Prof. Nadia Delicata
Rev. Dr Jonathan Farrugia
Rev. Dr Richard-N. Farrugia (Segretarju)
Rev. Dr Paul Sciberras
Ms Lorraine Tabone
Rev. Dr Daniel Xerri
Dokumenti dwar l-eżortazzjoni appostolika Amoris Laetitia:
- Agħfas hawn biex taqra d-dokument dwar Kap 1, 2 u 3 mill-Kummissjoni Dottrinali.
- Agħfas hawn biex taqra d-dokument dwar Kap 4 u 5 mill-Kummissjoni Dottrinali.
- Agħfas hawn biex taqra d-dokument dwar Kap 6 u 7 mill-Kummissjoni Dottrinali.
- Agħfas hawn biex taqra d-dokument dwar Kap 8 mill-Kummissjoni Dottrinali.
- Agħfas hawn biex taqra d-dokument dwar Kap 9 mill-Kummissjoni Dottrinali.
Agħfas hawn biex taqra d-dokument San Ġużeppi u ż-Żwieġ tiegħu ma’ Marija mill-Kummissjoni Dottrinali.
Agħfas hawn biex taqra d-dokument Seeking to live an honest life within a context often characterised by dishonesty mill-Kummissjoni Dottrinali.
Agħfas hawn biex taqra d-dokument Viżjoni ta’ Knisja mħejji mill-Kummisjoni Dottrinali.
Agħfas hawn biex taqra n-nota dwar l-Ewkaristija mill-Kummissjoni Dottrinali.