Mons. Pawlu Cremona O.P.

Bijografija


L-Arċisqof Mons. Pawlu Cremona O.P., S.Th.D., twieled il-Belt Valletta nhar il-25 ta’ Jannar 1946 minn Joseph u Josephine nee Cauchi. Ħa l-edukazzjoni primarja tiegħu fl-iskola tal-Montessori fil-Belt Valletta stess, imbagħad l-Edukazzjoni Sekondarja fil-Liceo, il-Ħamrun. Daħal fl-Ordni Dumnikan f’Settembru tal-1962 u għamel il-Professjoni fl-istess Ordni nhar id-29 ta’ Settembru 1963. Studja l-Filosofija u t-Teoloġija fil-Kulleġġ ta’ San Tumas ta’ Akwinu fil-kunvent tad-Dumnikani tar-Rabat u ġie ordnat saċerdot nhar it-22 ta’ Marzu 1969.
Wara l-Ordinazzjoni Saċerdotali ntbagħat jistudja t-Teoloġija Morali fl-Universita’ Pontifiċja ta’ San Tumas ta’ Akwinu f’Ruma (Angelicum) minn fejn kiseb id-Dottorat fl-1973 bit-Teżi “The Concept of Peace in Pope John XXIII”. Bejn l-1974 u l-1980 hu kien Pirjol fil-Kunvent ta’ Sidtna Marija tal-Għar fir-Rabat. Reġa’ kien Pirjol fl-istess kunvent bejn l-1997 u l-2003.

Fl-1981 intgħażel bħala Provinċjal tal-Provinċja Dumnikana Maltija. Hu serva f’dan l-uffiċċju għal żewġ perjodi ta’ erba’ snin. Mat-tmiem tal-ħidma tiegħu bħala Provinċjal hu ntbagħat bħala Kappillan tal-Parroċċa ta’ Sidtna Marija tar-Rużarju ta’ Fatima, Gwardamangia. Bejn l-1993 u l-1997 kien responsabbli mill-Formazzjoni tan-Novizzi u l-iStudenti Dumnikani fir-Rabat – uffiċċju li reġa’ kellu għal żmien ieħor qasir bejn l-2004 u l-2005. Fl-2005, huwa ġie maħtur bħala Kappillan tal-Parroċċa ta’ Ġesu’ Nazzarenu, f’Tas-Sliema. Fit-2 ta’ Dicembru 2006 ġiet imħabbra n-nomina tiegħu bħala Arċisqof ta’ Malta u kien ikkonsagrat Isqof fis-26 ta’ Jannar, 2007.

​Matul il-ħajja saċerdotali tiegħu, Monsinjur Cremona qeda f’diversi uffiċċji oħrajn tal-Arċidjoċesi, fosthom Delegat tal-Arċisqof għall-Ħajja Kkonsagrata, Assistent Direttur Spiritwali fis-Seminarju tal-Virtu’, Rabat, membru fil-Kunsill Presbiterali, kif ukoll kien President tal-Kunsill tas-Superjuri Maġġuri tar-Reliġjużi Maltin (KSMR). Monsinjur Cremona hu awtur ta’ diversi kotba ta’ natura teoloġika u spiritwali, fosthom it-Teżi tiegħu: “The Concept of Peace in Pope John XXIII’’, “Il-Knisja, Ikona tat-Trinita’ Qaddisa’’, u kotba oħra fuq il-Kredu u l-Kmandamenti, u erba’ kotba li kiteb ma’ Patri Gorg Frendo O.P., illum Isqof fl-Albanija.

Stemma

L-Istemma ta’ Mons. Pawlu Cremona O.P. tirapreżenta l-kunjomijiet tal-ġenituri tiegħu, aħmar għal Cremona l-kunjom a’ missieru, u blu għal Cauchi, l-kunjom t’ommu. L-ordni Dumnikana, kappa sewda fuq abitu abjad, il-palju abjad bi slaleb suwed, li sinjal tradizzjonali tal-grad u l-awtorita’ ta’ Arċisqof Metropolitana li l-Papa jagħti kull sena lill-Isqfijiet il-ġodda nhar id-29 ta’ Ġunju, festa ta’ San Pietru u San Pawl.
L-istemma fiha wkoll il-kappell ekkleżjastiku, aħdar u b’għaxart iġmiemen fuq kull naħa, li juru l-grad ta’ Arċisqof. Fuq wara jidhru wkoll is-Salib ta’ Malta, li jindika minn liema pajjiż hija l-persuna tal-Arċisqof, u s-salib magħruf bħala “s-Salib Patrijarkali”
Taħt nett tal-istemma hemm il-motto ta’ Mons. Arċisqof: “Ħejju t-Triq għall-Mulej.”