L-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona jinsab l-Isptar Mater Dei fejn ilu rikoverat minn nhar it-Tlieta li għadda, iżda l-kundizzjoni ta’ saħħtu qed titjieb tant li mistenni jiġi rilaxxat fil-jiem li ġejjin.

Newsbook.com.mt huwa infurmat li Mons. Cremona rrisponda tajjeb għall-kura li ngħatatlu, u l-aħħar testijiet mediċi li sarulu juru li l-kundizzjoni tiegħu qalbet għall-aħjar.

L-aħbar li Mons. Cremona jinsab rikoverat fl-Isptar Mater Dei wasslet għal numru ta’ parroċċi jappellaw online għat-talb tal-pubbliku.

L-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona, li fil-25 ta’ Jannar jagħlaq 78 sena, ilu għal dawn l-aħħar snin jgħix fid-Dar tal-Kleru f’Birkirkara.

Tliet snin ilu, l-Arċisqof Emeritu sarlu intervent minuri f’qalbu u għamel ftit jiem rikoverat l-isptar.

Mons. Cremona, li huwa Patri Dumnikan, ġie kkonsagrat isqof u nħatar Arċisqof ta’ Malta fis-26 ta’ Jannar 2007. F’Ottubru 2014, il-Papa Franġisku aċċetta r-riżenja tiegħu minn Arċisqof minħabba raġunijiet ta’ saħħa. Wara, huwa baqa’ attiv pastoralment billi jiċċelebra l-quddies u jamministra s-sagramenti f’diversi parroċċi, kif dejjem għamel tul l-episkopat tiegħu bħala parti minn ħidma ddedikata bis-sħiħ għall-poplu ta’ Alla.

Sors: Newsbook.com.mt

Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace