-
L‑Arċisqof Charles J. Scicluna llum ħalla Malta għal Minsk, il‑Belarussja, biex jieħu sehem fl‑assemblea plenarja tal‑Kunsill tal‑Konferenzi Episkopali Ewropej (CCEE). Għal din il‑laqgħa se jattendu l‑isqfijiet minn 45 pajjiż fil‑kontinent Ewropew. It‑temi ewlenin ta’ din l‑assemblea huma ż‑żgħażagħ u l‑Ewropa.
F’Minsk, l‑isqfijiet ser jiddiskutu l‑aspettattivi, il‑bżonnijiet, ix‑xewqat, il‑biżgħat u r‑relazzjonijiet taż‑żgħażagħ fid‑dinja tal‑lum, kif ukoll l‑isfidi tal‑Knisja biex twassal il‑messaġġ pastorali tagħha liż‑żgħażagħ. L‑assemblea plenarja f’Minsk se twitti t‑triq għas‑Sinodu tal‑Isqfijiet dwar iż‑żgħażagħ, li ser isir is‑sena d‑dieħla f’Ruma. L‑isqfijiet se jaqsmu wkoll l-esperjenzi u l-ideat tagħhom dwar kif il‑Knisja xxandar l‑Evanġelju filwaqt li tgħin biex tikber l‑għaqda fl‑Ewropa.
L‑Assemblea Plenarja tintemm il‑Ħadd, l‑1 ta’ Ottubru 2017, biċ‑ċelebrazzjoni tal‑Quddies immexxi mill‑isqfijiet, f’diversi parroċċi fil‑belt ta’ Minsk.