-
-
Tħabbret il-mewt tal-Arċisqof Emeritu Mons. Ġużeppi Mercieca. Huwa twieled ir-Rabat, Għawdex, fit-12 ta’ Novembru 1928. Ġie ordnat Isqof fid-29 ta’ Settembru 1974. Kien innominat Arċisqof ta’ Malta fid-29 ta’ Novembru 1976 u ħa l-pussess ta’ Arċisqof fit-12 ta’ Diċembru tal-istess sena. Huwa rtira minn Arċisqof fit-2 ta’ Diċembru 2006, fl-età ta’ 78 sena, wara n-nomina tal-Arċisqof il-ġdid, Mons. Pawlu Cremona O.P.L-Arċisqof Mercieca, li kellu 87 sena, miet fis-7:20 a.m. tal-lum, it-Tnejn, 21 ta’ Marzu 2016.Fl-aħħar sigħat ta’ ħajtu huwa kien imdawwar mill-Arċisqof Charles J. Scicluna, l-Isqof Mario Grech u l-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona O.P.
Bijografija
-
-
Mons. Ġużeppi Mercieca, B.A. (Lond.), S.Th.D.,(Greg), J.U.D.(Lat.), twieled ir‑Rabat, Għawdex, fit‑12 ta’ Novembru 1928; studja fis‑Seminarju ta’ Għawdex, wara kompla l‑istudji tiegħu f’Ruma u ġie ordnat saċerdot fit‑8 ta’ Marzu 1952. Mill‑1959 sal‑1969 kien Rettur tas‑Seminarju ta’ Għawdex, sakemm fl‑1969 ġie nominat imħallef tas‑Sacra Romana Rota; kien ukoll konsultur tal‑Kongregazzjoni tas‑Sagramenti u tal‑Kongregazzjoni għad‑Duttrina tal‑Fidi. Fis‑27 ta’ Lulju 1974 ġie nominat awżiljarju ta’ Mons. Michael Gonzi u ordnat isqof titulari ta’ Gemelle fin‑Numidja fid‑29 ta’ Settembru tal‑istess sena. Kien Vigarju Ġenerali sa meta ġie nnominat Arċisqof ta’ Malta fid‑29 ta’ Novembru 1976. Ħa l‑pussess ta’ Arċisqof fit‑12 ta’ Diċembru 1976 u ġie nominat konsultur tas‑Sacra Romana Rota fl‑1992 u aktar tard imħallef fis‑Segnatura Apostolica. Fil‑11 ta’ Novembru 2003, Monsinjur Arċisqof offra lill‑Qdusija Tiegħu l‑Papa r‑riżenja tiegħu minn Arċisqof ta’ Malta, skond kif titlob il‑liġi tal‑Knisja dwar l‑Isqfijiet Djoċesani li jilħqu l‑eta ta’ 75 sena. Huwa rtira minn Arċisqof fit‑2 ta’ Diċembru 2006, fl‑eta ta’ 78 sena, wara n‑nomina tal‑Arċisqof il‑ġdid, Mons. Pawlu Cremona O.P.