L-Arċisqof Charles Scicluna ħeġġeġ lil kulħadd biex matul l-istaġun tal-festi, nieħdu ħsieb biex ħadd ma jibqa’ bil-ġuħ.
Fuq X, huwa kiteb li dan nistgħu nagħmluh billi nibagħtu donazzjoni lil Loop, li permezz ta’ Il-Kċina ta’ Marta, qed toffri tant ikliet lil dawk li jeħtieġu l-għajnuna. Li nagħtu donazzjoni għal min jinsab bil-ġuħ, l-Ariċsqof qal, li huwa ekwivalenti daqslikieku qed nistednuhom jieklu magħna d-dar.
F’intervista ma’ Newsbook Malta, il-koordinatur ta’ Loop, Albert Debono stqarr li bħalissa l-organizzazzjoni tqassam madwar 270 ikla kuljum.
Dan apparti li nhar ta’ Tnejn, Tlieta, Ħamis u Ġimgħa, diversi persuni oħra jmorru jieklu fir-Refettorju tal-Kċina ta’ Marta, li tinsab f’tal-Bon Pastur, Ħal Balzan.
Debono semma wkoll li kull xahar, Loop tqassam mat-300 biċċa ħwejjeġ lil dawk fil-bżonn, mill-ħanut tagħhom fi Triq Melita, il-Belt Valletta. Hu qal li dan jistgħu jagħmluh grazzi għal dawk in-nies li jmorru jixtru minn dan il-ħanut għal kawża ġusta.
Bħalissa, Loop għandha madwar 230 voluntier. Wieħed jista’ jingħaqad mal-grupp ta’ voluntier billi jimla l-formola hawn, jew jibgħat email fuq [email protected].
Loop hija intrapriża soċjali u parti mill-Fondazzjoni għall-Opri Soċjali fl-Arċidjoċesi ta Malta.
Nhar l-Erbgħa li ġej, l-Arċisqof Charles Scicluna se jiġi intervistat minn Christine Delicata waqt il-programm Għal Kulħadd fuq RTK103. Il-programm jixxandar mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn id-9am u nofsinhar.
Sors: Newsbook Malta