L-Arċisqof Charles Scicluna appella għal sentimenti ta’ dinjità waqt id-djalogu bejn il-politiċi, b’mod speċjali waqt il-kampanja elettorali li għaddejja bħalissa.
Filwaqt li ddikjara li jifhem li matul kampanja elettorali d-diskors ikun iktar imbaqbaq u l-kummenti jkunu iktar diretti, fakkar li l-poplu għandu bżonn is-serenità biex jagħmel l-għażliet tiegħu, u għandu bżonn ikun infurmat bis-sewwa.
Waqt il-programm Għal Kulħadd ma’ Christine Delicata fuq RTK103, l-Arċisqof Scicluna tenna l-appell tal-President ta’ Malta biex nirrispettaw l-istituzzjonijiet, u wkoll biex nirrispettaw lil xulxin. Qal li l-klima politika attwali hi mmarkata b’ħafna tensjoni, u għalhekk qal li l-appell tal-President Spiteri Debono għandu jittieħed bis-serjetà .“Ma nħallux ilsienna jiġri bina u l-emozzjonijiet jitilgħu għal rasna” – Il-President
L-Arċisqof tkellem dwar l-importanza li l-ġurnalisti jitħallew jagħmlu mistoqsijiet skomdi kif inhuma fid-dmir, filwaqt li fakkar fid-dritt ta’ kull akkużat għall-preżunzjoni tal-innoċenza li jfisser li persuna akkużata titqies innoċenti sakemm tinstab ħatja.
“Kif niddefendi d-dritt tal-ġurnalisti li jistaqsu mistoqsijiet skomdi u ma jkunux taħt pressjoni għax għandhom bżonn jagħmlu xogħolhom, niddefendi wkoll id-dritt ta’ min hu akkużat li jkun preżunt innoċenti sakemm il-Qrati, u mhux il-politiċi, jsibu mod ieħor”, stqarr l-Arċisqof.
Fuq kollox, l-Arċisqof appella biex “naqblu jew ma naqblux, m’għandna nitilfqu qatt ir-rispett li għandu jkollna għal xulxin.”
“Kunu ambaxxaturi tal-ħniena u l-mogħdrija” – il-Papa lill-Isqfijiet Maltin
Il-Papa Franġisku talab lill-Isqfiiet ta’ Malta biex ikunu ambaxxaturi tal-ħniena u l-mogħdrija fost il-poplu Malti u Għawdxi, mingħajr ma jinsew l-eżiġenzi tal-ġustizzja u l-verità.
Dan waqt l-ewwel żjara ad limina Apostolorum għall-Arċisqof Charles Scicluna, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi u l-Isqof Anton Teuma li saret f’dawn l-aħħar jiem.
Matulha serje ta’ laqgħat fil-Vatikan, l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex taw rendikont dwar l-istat taż-żewġ djoċesijiet, kif isir kull tant snin mill-Isqfijiet ta’ kull djoċesi fid-dinja.L-Isqfijiet il-Vatikan biex jagħtu rendikont dwar iż-2 djoċesijiet
L-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-Papa nsista ħafna li l-Isqfijiet Maltin ikunu messaġġiera tal-ħniena, u ħa pjaċir ħafna jisma’ dwar il-missjunarji Maltin. Dan fl-isfond tal-ħatra ta’ Dun Henry Balzan bħala Isqof Awżiljarju fiċ-Ċilì stess, u l-ħatra tal-patri Franġiskan Angelo Falzon bħala Isqof fil-Honduras.
Fl-istess waqt, il-Papa esprima tħassib dwar in-nuqqas ta’ vokazzjonijiet f’Malta, hekk kif in-numru ta’ seminaristi huma ftit. L-Arċisqof innota li f’Għawdex hemm 10 seminaristi għal popolazzjoni ħafna inqas minn ta’ Malta, fejn hawn 8 seminaristi.
Matul l-intervista, l-Arċisqof tkellem ukoll dwar deċiżjoni tad-Dekasteru għad-Duttrina tal-Fidi li ħareġ linji gwida ġodda li, fost oħrajn, ifissru li l-Vatikan mhux se jibqa’ jiddikjara jekk allegati dehriet mistiċi humiex awtentiċi jew le.
Hu qal li b’din id-deċiżjoni, l-ewwel ħaġa li jrid jagħmel isqof hu li jinvestiga biex jeskludi qerq, u jirrapporta lill-Vatikan. Fakkar li wħud minn dawn l-episodji jistgħu jkunu konsegwenza ta’ ċertu kundizzjonijiet ta’ saħħa, u li kwalunkwe esperjenza mistika li Alla jippermetti mhu se jżidu xejn mal-fidi tal-bniedem skont it-tagħlim tal-Knisja.
Sors: Newsbook Malta
Ritratt: Miguela Xuereb