L-Erbgħa, 2 ta’ Diċembru 2009, l-Arċisqof Pawlu Cremona OP żar l-istudenti mill-Għaqda tat-Teoloġija li b’kollaborazzjoni ma’ Radju RTK qed jorganizzaw l-kampanja ‘Make my House a Home’. Din il-kampanja, li permezz tagħha jsir ġbir għall-Preventive Care Unit, issa ilha ssir madwar 9 snin. F’dawn il-jumejn, l-istudenti li qegħdin jistudjaw it-Teoloġija jimpenjaw ruħhom billi fil-ħin liberu li jkollhom bejn lecture u oħra jagħsru l-larinġ u jbigħuh flimkien ma’ xi doughnuts u kejkijiet lill-istudenti sħabhom li jkunu għaddejjin fuq il-Campus tal-Universita’. Kemm il-larinġ kif ukoll id-doughnuts u l-kejkijiet jiġu mogħtija lil GħST b’xejn minn diversi stabbilimenti. Is-semmiegħa ta’ Radju RTK huma mħeġġa jagħtu d-donazzjoni tagħhom billi jċemplu fuq il-linji tat-telefon miftuħa apposta matul din il-kampanja. Matul dawn il-jumejn ikun hemm ukoll kollegamenti diretti fuq ir-radju mill-Campus tal-Universita’.

Nhar il-Ħadd, 20 ta’ Dicembru l-GħST terga’ tingħaqad ma’ Radju RTK għall-festin li jsir għat-tfal li jgħixu fid-djar tal Knisja. L-GħST tixtieq tħeġġeġ lin-nies isegwu radju RTK jew jikkomunikaw magħhom permezz tal-website ta’ l-Għaqda www.ghstmalta.org u jgħinuhom bid-donazzjoni biex dan il-Milied ikun wieħed specjali għal dawn it-tfal.

Agħfas fuq ir-ritratt biex tkabbar. Ritratti: Photocity, Valletta