L-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. se jħalli Malta għada, il-Ħamis 3 ta’ Mejju 2012, għal żjara pastorali lill-emigranti Maltin f’San Francisco, l-Istati Uniti, u lill-missjunarji Maltin fl-Amerika Ċentrali.
L-Arċisqof jasal California għada stess, fejn jingħata merħba mill-Konslu Malti, s-Sur Louis Vella u mill-membri tal-komunità Maltija. Fil-belt ta’ San Francisco, fost diversi laqgħat mal-komunitajiet Maltin, nhar il-Ħadd 6 ta’ Mejju l-Arċisqof jiċċelebra Quddiesa fil-Katidral iddedikat lil Sta Marija. L-għada huwa jiltaqa’ mal-Arċisqof ta’ San Francisco, l-E.T. Mons. George Niederauer. Laqgħa oħra se tkun dik mal-Maltin li huma morda u dawk fl-isptarijiet. Nhar l-Erbgħa 9 ta’ Mejju, l-Arċisqof se jiċċelebra Quddiesa fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġorġ Preca.
Minn San Francisco l-Arċisqof se jżur lill-missjunarji Maltin fil-Honduras u f’Kuba. L-Arċisqof mistenni jasal fil-Honduras nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Mejju, fejn jingħata merħba mill-Isqfijiet Maltin, Mons. Robert Camilleri OFM u Mons. Joe Bonello OFM, u mill-patrijiet Franġiskani Minuri, Patri Albert Gauci OFM u Patri Anġlu Falzon OFM. Mill-ajruport internazzjonali ta’ Honduras, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P., akkumpanjat mill-Isqfijiet Maltin, se jagħmel żjara ta’ kortezija lill-Kardinal Oscar Andres Rodrieguez, li huwa wkoll l-Arċisqof tal-Arċidjoċesi ta’ Tegucigalpa.
Is-Sibt 12 ta’ Mejju, l-Arċisqof se jżur il-missjunarji Franġiskani u ċ-ċentru ta’ formazzjoni “Diego Vella” fil-belt ta’ Juticalpa, Dan iċ-Ċentru huwa msemmi għall-ewwel missjunarju Franġiskan Malti fil-Honduras, Patri Diego Vella OFM, li għex għal ħafna snin f’dan il-pajjiż. L-Arċisqof se jżur ukoll il-qabar tiegħu.
Il-Ħadd 13 ta’ Mejju, l-Arċisqof se jiċċelebra Quddiesa fil-Katidral ta’ Juticalpa. Huwa se jżur il-Monasteru tas-Sorijiet tal-Klarissi u n-novizzi tas-Sorijiet Franġiskani. Dakinhar stess l-Arċisqof jiċċelebra Quddiesa fil-knisja parrokkjali ta’ Santa Gertrudis.
It-Tnejn 14 ta’ Mejju, l-Arċisqof iħalli Juticalpa għal belt ta’ Comayagua fejn ser ikun il-mistieden tal-Isqof Robert Camilleri OFM. Minn hemmhekk, l-Arċisqof iżur il-belt ta’ Tegucicalpa fejn jiltaqa’ fost oħrajn man-Nunzju Appostoliku, l-E.T. Mons. Luigi Bianco.
L-aħħar waqfa tal-Arċisqof matul dan il-vjaġġ se tkun żjara ta’ erbat ijiem f’Kuba, fejn mistenni jasal nhar il-Ħamis 17 ta’ Mejju. Fil-belt kapitali ta’ Havana, l-Arċisqof jiltaqa’ mal-missjunarji Maltin tal-Ordni Agostinjana, mas-saċerdot djoċesan Dun Pawl Buttigieg, kif ukoll mas-soċji tal-MUSEUM li ilhom f’Kuba għal dawn l-aħħar sena u nofs. Waqt iż-żjara tiegħu, l-Arċisqof se jagħmel żjara ta’ kortesija lill-Isqof ta’ Kuba, l-E.T. Mons. Arturo Gonzalez.
L-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. jasal lura Malta nhar it-Tlieta 22 ta’ Mejju. Matul din iż-żjara pastorali huwa ser ikun akkumpanjat minn Dun Alfred Vella, Direttur tal-Kummissjoni Emigranti.