-
-
L‑Arċisqof Charles J. Scicluna żar lir‑residenti taċ‑Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas, limiti ta’ Ħaż‑Żebbuġ. L‑Arċisqof iltaqa’ personalment mar‑residenti ta’ San Blas li qed jagħmlu wieħed mit‑tliet programmi għar‑rijabilitazzjoni mid‑droga, offruti mill‑Knisja f’Malta permezz tal-Caritas.
Huwa ġie milqugħ mill‑Vigarju Episkopali għad‑Djakonija, Mons. Charles Cordina, mid‑Direttur ta’ Caritas Malta, Leonid McKay, mill‑Kordinatur tas‑Servizzi, is‑Sur Anthony Gatt, u mill‑istaff kollu ta’ San Blas.
L‑Arċisqof sema’ l‑esperjenzi tan‑nisa u l‑irġiel li qed isegwu wieħed mill-programmi ta’ rijabilitazzjoni, u dawk li jgħixu fix‑shelter li qed iħejju biex jibdew il‑programm.
Fil‑messaġġ tiegħu lir‑residenti, l‑Arċisqof tkellem dwar l‑importanza li dawk li jsibu ruħhom f’din it‑triq jaħfru lihom infushom biex jibdew mill‑ġdid. “Għażiltu li tiġu hawn għax tridu li jkollkom suċċess. Tħallu qatt il‑biża’ tal‑falliment iżżommkom lura, speċjalment jekk tkunu diġà għamiltu xi programm ieħor u waqajtu. Il‑bieb dejjem se ssibuh miftuħ beraħ, u meta tidħlu hawn se ssibu persuni lesti biex jilqgħukom b’ħafna mħabba. Hawn ma tiġix iġġudikat! Hawn se ssib min jgħinek u jħobbok! Ġesù m’għandux limiti ta’ kemm jgħin, u ma jgħajja qatt iħobbna. Din għandha timliekom bil‑kuraġġ.”
L‑Arċisqof stieden lir‑residenti jkabbru t‑talenti tagħhom u jiskopru talenti ġodda, u appellalhom biex ma jkunux skjavi tad‑droga u ma jħalluha qatt toħnoq kollox. B’kuntrast mad‑dlam li jġib miegħu l‑abbuż mid‑droga, l‑Arċisqof tkellem dwar id‑dawl li ġġib magħha l‑għażla favur il‑ħajja. “Ħafna minnkom qaluli li hawn sibtu lilkom innfuskom, u nemmen li la qegħdin hawn qed tagħmlu l‑għażla li tridu tgħixu l‑ħajja vera. Mela aħarbu minn dak kollu li jista’ jwaqqagħkom.”
L‑Arċisqof Charles J. Scicluna talab għal kull min qed jagħmel programm ta’ rijabilitazzjoni, biex ikompli jagħmel ħiltu sabiex jirritorna fis‑soċjetà bħala persuna mibdula. L‑Arċisqof talab ukoll għal min imexxi d‑droga “biex jiftaħ għajnejh u jikkonverti, għax kif qal il‑Papa Franġisku, il‑ġudizzju ta’ Alla jasal għal kulħadd”.
Iż‑żjara tal‑Arċisqof ġiet fi tmiemha b’ikla ppreparata mir‑residenti ta’ San Blas.
-