-
-
It-Tlieta 27 ta’ Diċembru 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna, l-Arċisqof Emeritu Mons. Pawlu Cremona O.P. u l-Vigarju Ġenerali Mons. Joe Galea Curmi laqgħu lill-awtoritajiet tal-Istat għall-iskambju tal-awguri fl-okkażjoni tas-Sena l-Ġdida, fil-Palazz tal-Arċisqof, il-Belt Valletta.
Fil-preżenza tal-Prim Ministru Dr Joseph Muscat, l-Arċisqof irringrazzja lil Gvern Malti tal-koperazzjoni sħiħa li ssib il-Knisja, li flimkien qed jaħdmu f’ambjent demokratiku, fejn id-drittijiet ta’ kull persuna jiġu mħarsa u rispettati. Irringrazzja wkoll lill-Istat Malti tal-inizzjattiva tal-presepju Malti fil-Pjazza ta’ San Pietru, il-Vatikan. L-Arċisqof tkellem ukoll dwar l-emerġenza ta’ żgħażagħ li jgħaddu mill-proċess edukattiv imma jibqgħu mingħajr il-ħiliet meħtieġa, u offra l-għajnuna tal-Knisja f’dan l-aspett.
Mal-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Dr Anġlu Farrugia, u l-Membri Parlamentari, l-Arċisqof wera l-apprezzament għall-ħidma leġiżlattiva li ssir u awgura li din tkun għall-ġid komuni. Ippropona li l-leġiżlazzjoni ssaħħaħ kultura li tippromovi l-ħajja; li tħares l-ambjent b’mod effikaċi għall-ġenerazzjonijiet futuri; u biex id-dinjità ta’ kull ċittadin tiġi mħarsa. Appella biex il-liġi tal-Ugwaljanza (l-Equality Bill) li għandha motivazzjoni ta’ liberta, ma ssirx strument ta’ ripressjoni.
Mal-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Simon Busuttil, l-Arċisqof saħaq li s-soċjetà mhux biss għadu jkollha ambjent demokratiku, imma wkoll l-input għal dibattiti li dejjem għandhom jippromovu l-ġid komuni, u rringrazzjah tal-promozzjoni ta’ kultura favur il-ħajja. Mal-Prim Imħallef Silvio Camilleri, l-Arċisqof fakkar li f’kull ġudizzju tkun qed tinbena s-soċjetà. Kellu kelma ta’ inkoraġġiment għall-maġistrati li qal huma ‘pijunieri’ għax ikunu huma l-ewwel fuq xeni ta’ traġedja. Awgura li kull deċiżjoni tkun balzmu tal-ġustizzja, u għall-xogħol fejjiedi u mistrieħ mistħoqq.
L-Arċisqof Charles J. Scicluna awgura wkoll l-isbaħ xewqat għas-Sena l-Ġdida lill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca u s-Sur Preca; lill-Presidenti Emeritiu rappreżentanti oħra tas-soċjetà ċivili. L-Ar`isqof offra kopja tat-traduzzjoni bil-Malti tal-Eżortazzjoni Appostolika ‘Amoris Laetitia’ lil kull rappreżentant.
Agħfas hawn biex tara r-ritratti kollha tal-attivita’ tal-bdil tal-awgurji.
-
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja