• Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     

  • Il-Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina

    24 ta’ Jannar 2019


    Xtaqt nagħmel ħsieb qasir fuq dak li qegħdin niċċelebraw illum. Inħoss li din tal-lejla, minkejja l-bard u l-ksieħ, hija ċelebrazzjoni ta’ rieda qawwija li aħna nieħdu ħsieb u nikkuraw il-patrimonju tagħna.

    Kull meta nisma’ l-istorja tar-redenzjoni, tal-fidwa tal-Apostolato* fi żmien il-Franċiżi għal darba, darbtejn, irrid nammeti li minn meta kont żgħir kont nikkomwovi ruħi u għadni nikkomwovi ruħi sal-lum. B’xi mod din l-istorja hija emblematika u attwali ħafna. Il-Kapitlu tal-Katidral f’dan l-episodju li jkompli jagħmlu Kapitlu tassew glorjuż, jagħmel ħiltu biex isalva s-sbuħija li kienet se tkun vittma tar-regħba; is-sbuħija li tispiċċa meqruda minħabba l-flus, anzi biex issir flus.

    Intom tifhmuni meta ngħid li din it-traġedja hija attwali ħafna. Se nsibu nies kuraġġużi u ġenerużi bħalma kien il-Kapitlu ta’ dak iż-żmien li jifdu l-patrimonju kulturali, ambjentali, arkitettoniku tagħna, biex ma jiġix issagrifikat għar-regħba ta’ magna li ħsiebha biss biex tagħmel il-flus? Immaġinaw din is-sbuħija ssir muniti. Għandhom l-użu tagħhom, imma inti għandek tissagrifika ruħek biex tagħmel il-flus? Litteralment biex tagħmel il-flus! U aħna qegħdin f’sitwazzjoni simili.

    Jekk hawn min qed jismagħni u għandu sehem f’din il-qerda tal-patrimonju tagħna biex jagħmel il-flus, ngħidlu u nitolbu bil-ħniena: ‘Aħsibha, għid le, insisti mqar għal-landscapes tagħna’. Se neqirdu l-Belt Valletta! Dan patrimonju (l-Apostolato) tal-Belt Valletta li salvah il-Kapitlu u qegħdin ingawduh hawn. Imma aħna arkitettonikament se neqirdu l-Belt biex nagħmlu erba’ soldi. U la se jeqirdu s-sbuħija, huma soldi misħuta, kelma ta’ isqof.

    Il-karba tiegħi hija li aħna l-Maltin, speċjalment il-ġenerazzjonjiet iż-żgħażagħ, nibqgħu marbuta mal-patrimonju straordinarju li għandna.

    Jiena nixtieq nirringrazzja wkoll lil Sante Guido u Giuseppe Mantela. Voglio ringraziarvi per tanti anni di generoso lavoro qui, con l’amore con cui avete trattato il nostro grande patrimonio. Grazie Sante, grazie Giuseppe, perché ci avete restituito questo capolavoro del maestro e cavaliere Calabrese e noi lo possiamo continuare a godere negli anni.

    Il-karba tiegħi hija li aħna l-Maltin, speċjalment il-ġenerazzjonjiet iż-żgħażagħ, nibqgħu marbuta mal-patrimonju straordinarju li għandna. Nixtieq nirringrazzja lil kulħadd: il-Kor Sine Macula, lill-Kapitlu; illum ta’ min tassew jirringrazzja l-Kapitlu għaliex anke wieħed minnhom kien benefattur kbir ta’ dan iċ-ċiklu tal-Preti, il-Kapitlu li għal darba, darbtejn salva l-Apostolato. Huwa l-mument li aħna nirringrazzjaw lil Alla ta’ din l-istituzzjoni li hija istituzzjoni straordinarja—li dejjem ħadmet bil-mezzi li għandha u li kellha—għall-ġid ta’ pajjiżna.

    Nirringrazzjakom ilkoll tal-isforz li għamiltu biex inkunu flimkien illejla. Voglio dire grazie a tutti. Grazie di cuore.  

     Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

     

  • * ‘L-Apostolato’ hija kollezzjoni ta’ 15-il statwa tal-fidda li jmorru lura għall-1741 u l-1743, u li bħalissa jinsabu fil-Mużew tal-Katidral tal-Imdina. L-istatwi, li juru x-xbieha tal-appostli, ta’ Ġwann il-Battista, ta’ San Pawl u tal-Verġni Marija, kienu ġew ikkummissjonati mill-Ordni ta’ San Ġwann sabiex isebbħu l-artal prinċipali tal-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-jiem tal-festa titulari.

    Fl-1798, it-tmexxija Franċiża f’Malta riedet li dawn l-istatwi jittieħdu biex jinħallu sabiex mill-fidda tagħhom isiru l-muniti. Iżda l-Kapitlu tal-Katidral fdiehom darbtejn u ħadhom lura. Flok l-istatwi l-Kapitlu ta lill-Franċiżi oġġetti oħra tal-fidda li kienu l-Imdina u li kienu jiżnu ferm aktar mill-istatwi.

    Agħfas hawn għal aktar tagħrif dwar l-Apostolato.

     
  • Ritratti: knisja.mt/ritratti