L-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. llum jasal fil-belt ta’ Comayagua, Honduras, biex ikompli ż-żjara pastorali tiegħu lill-missjunarji Maltin fl-Amerika Ċentrali. Hemmhekk huwa ser ikun il-mistieden ta’ Mons. Robert Camilleri OFM, Isqof Awżiljarju tad-Djoċesi ta’ Tegucigalpa.
Qabel iż-żjara tiegħu fil-Honduras, l-Arċisqof żar lill-emigranti Maltin f’San Francisco, l-Istati Uniti. F’dawn l-aħħar sebat ijiem l-Arċisqof ċċelebra Quddiesa fil-knisja parrokkjali ta’ Santa Veronika, li għaliha attendew it-tfal tal-iskola kattolika li hemm biswit din il-parroċċa. Żewġ ċelebrazzjonijiet oħra saru fil-parroċċa ta’ Santa Elizabetta u l-parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu. Dawn kienu l-aktar żewġ parroċċi ffrekwentati mill-Maltin qabel bdew jgħixu l-barra mill-belt ta’ San Francisco.
Nhar it-Tlieta 8 ta’ Mejju, l-Arċisqof għamel żjara ta’ kortezija lill-Mons. George Niederauer, Arċisqof ta’ San Francisco li wera l-apprezzament tiegħu għas-sehem kbir li l-komunità Maltija dejjem tat lid-Djoċesi. Żjara oħra tal-Arċisqof kienet lill-anżjani, kemm dawk fid-dar tagħhom u wkoll lil dawn residenti fid-djar tal-anżjani.
L-aħħar laqgħa tal-Arċisqof f’San Francisco kienet fil-belt ta’ Milbrea fejn kellu laqgħa sabiħa mill-Maltin tal-post. Mal-wasla tiegħu Mons. Pawlu Cremona ntlaqa’ mis-Sindku ta’ din il-belt. L-Arċisqof mar ukoll jagħti rispett lill-pulizija Maltija David Chetcuti li nqatel waqt il-qadi ta’ dmirijietu. L-Arċisqof kellu wkoll l-opportunità jiltaqa’ mat-tfal tiegħu. Il-belt ta’ Milbrea għadna rabtit mill-qrib mal-parroċċa tal-Mosta b’riżultat tal-ġemellaġġ bejn iż-żewġt ibliet.
Iż-żjara tal-Arċisqof f’San Francisco ntemmet biċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa fil-knisja ta’ St. Dunstin fejn tfakkret il-festa ta’ San Ġorġ Preca. F’din l-okkażjoni, bosta Maltin ħadu l-opportunità jsellmu lill-Arċisqof u rringrazzjawh taż-żjara li hu għoġbu jagħmel lill-emigranti.
L-Arċisqof wasal il-Honduras nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Mejju biex iżur lill-missjunarji Maltin f’dan il-pajjiż. Fis-17 ta’ Mejju, l-Arċisqof sejjer Kuba biex iżur il-missjunarji Maltijn li qed iwettqu ħidma pastorali f’dan il-pajjiż.