-
-
Nhar is-Sibt 22 ta’ Awwissu 2015, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra l-Quddiesa tal-Vġili tal-Festa ta’ Sidtna Marija Mtellgħa s-Sema, f’Ħad-Dingli.
-
Omelija tal-Arċisqof waqt il-Quddiesa fil-Vġili tal-Festa ta’ Sidtna Marija Mtellgħa s-Sema
-
-
Knisja Parrokjali, Ħad-Dingli
22 ta’ Awwissu 2015
Ħieni l-ġuf li ġabek u s-sider li rdajt” (Lq 11, 27). Din l-għajta ta’ mara sempliċi fil-folla, li ma nafux x’kien jisimha, hija magħżula lejliet u fil-bidu tal-Għid tal-Assunta, biex tibda tispjegalna x’aħna niċċelebraw. Qegħdin niċċelebraw xi ħaġa straordinarja li Ġesù ta lil ommu, jiġifieri li l-ġisem tagħha, hu u jgħaddi mill-bieb tal-mewt, ma jiġrilux bħalma jiġri lil ġisem tagħna meta jasal il-mument, u jibda jara t-taħsir.
X’kienet ir-raġuni? Il-Knisja tipprova tispjegahilna b’ħafna xbihat. L-ewwel xbieha importanti ħafna hija dik li smajna fl-Ewwel Qari (1 Kron 15,3-4.15-16.16,1-2). U aħna nistaqsu għaliex fl-Ewwel Qari smajna r-rakkont ta’ David li jsib l-arka – din il-kaxxa tal-injam prezzjuża indurata bid-deheb li fiha Mosè kien poġġa t-twavel tal-liġi, il-kmandamenti miktubin, u ftit manna. Għall-poplu Lhudi din l-arka kienet sinjal li Alla huwa magħhom, sinjal tal-preżenza iżda ma kinitx Alla. Huma kienu jeħduha magħhom fil-battalja bħala sinjal li Alla huwa magħhom. U fejn kienet tkun din l-arka kienet iġġib ħafna ġid, u David tħajjar u qal: aħjar tkun id-dar fejn noqgħod jien għax jaqbilli. Għalhekk għamel purċissjoni kbira biex iġib l-arka Ġerusalemm.
Aħna llum qegħdin nagħmu l-festa meta l-Iben ta’ Alla jsejjaħ lil ommu fil-ġenna, imma jħares lejha u jgħidilha: Alla l-Imbierek ma riedekx tkun immarkatha bid-dnub meta nissluk ommok u missierek, Anna u Ġwakkin, jiena l-Iben tiegħek ma rridx li l-ġisem tiegħek jara t-taħsir imma li jgħaddi mill-bieb tal-mewt bħalma għaddejt jien fl-Għid il-Kbir. U allura l-ġisem ta’ Marija, li kien ġisem bħal tagħna, jgħaddi għall-istat ta’ ġisem glorjuż mingħajr ma jara t-taħsir. Dan li qed niċċelebraw. Meta inti tipprova taħseb f’dan il-mument li ġara vera, allura trid tinżel fil-konkret u tammira l-fatt li Ġesù, lil ommu, ta din il-grazzja li tgħaddi mill-bieb tal-mewt għall-ħajja bħalma għadda Hu. Dan mhux bħalma se ngħaddu aħna, għax aħna l-ġisem tagħna meta jgħaddi mill-bieb tal-mewt se jara t-taħsir u l-istat ta’ ġisem glorjuż nehduh meta jrid Alla.
Imma dan xi jfisser għalina? Aħna m’aħniex qed niċċelebraw mit, leġġenda, jew xi ħaġa ‘l bogħod. Aħna rridu nifhmu li l-festa tal-lum hija importanti ħafna għalina għax Ġesù, li aħna nemmnu li huwa l-Iben ta’ Alla l-ħaj magħmul bniedem, kellu fih il-qawwa ta’ Alla li hu jqum mill-imwiet. Il-mewt ma kellhiex setgħa fuqu għax hu l-immortali, sid il-ħajja. Imma ommu? Ommu ngħatat il-grazzja minn Binha, kienet bniedma bħalna, meħlusha mit-taħsir tad-dnub u għalhekk ukoll imsejħa biex tkun meħlusha mit-taħsir tal-qabar.
Dak li ġara lilha, jiġri lilna wkoll mod ieħor, għaliex aħna qegħdin niċċelebraw ir-realtà tal-qawmien mill-mewt. Jiena nemmen fil-qawmien mill-mewt, fir-reżurezzjoni. Għalina l-qabar mhuwiex l-aħħar kelma. Il-mewt hija bieb miftuħ fuq il-ħajja ta’ dejjem. Jekk mhux hekk, l-aħwa, il-ħajja tagħna miskina ħafna, għax aħna ħlejjaq li nirraġunaw, li nirriflettu, aħna ninkeddu. X’destin kiefer ikun li inti meta tara lill-għeżież tiegħek fit-tebut u fil-qabar, tgħid ‘spiċċaw, ma jeżistux iżjed’. Ir-raġuni tagħna tirreżisti għal din il-loġika tal-mewt. Il-fidi tagħna hija l-unika ħaġa li kapaċi tagħtina risposta: le, il-mewt hija bieb miftuħ għall-ħajja.
L-għajta tal-mara qalb il-folla turina wkoll kemm hu għażiż għal Alla, u għandu jkun għażiż għalina, il-ġuf tal-omm u s-sider tal-mara li tredda’. Id-don tal-maternità li huwa l-qofol u l-għerq tal-grazzja speċjali ta’ Marija. Aħna l-Insara għandna nkunu konxji mid-dinjità tal-mara meta nħarsu lejn Sidtna Marija li tant inħobbu u tant nivveneraw. Mela mhux biss nitolbu li kulħadd, mingħajr eċċezzjoni, anke jekk m’għandux il-fidi tagħna, jirrispetta l-imħabba tagħna lejn Marija u ma joffendihiex, għax meta joffendi lil Marija jkun qed joffendi s-sentimenti profondi fil-qalb tagħna.
Ħija l-għażiż, jekk ma taqbilx magħna jew m’għandekx il-fidi tagħna, aħna m’aħniex se nimponu fuqek, imma dan ma jagħtikx id-dritt li toffendina, għax il-libertà tiegħek tieqaf fejn tibda toffendi l-qalb tagħna, u min joffendi lill-Madonna joffendi lilna. Ħadd m’għandu jippretendi li aħna nibqgħu ċassi.
Imma hemm ukoll ir-rispett mhux lejn il-Madonna u lejn l-istatwi tagħha u x-xbihat tagħha, imma lejn il-persuni ħajjin li huma wkoll xbihat ta’ Alla. Aħna l-Insara konvinti li kull bniedem maħluq xbieha ta’ Alla. Mela min ikasbar ix-xbieha tal-bniedem bil-pornografija qiegħed ikasbar lil Alla. Aħna lkoll dgħajfin, aħna wkoll vittmi tal-kurżità, imma l-kurżità tagħna ma tiġġustifikax id-dnub tagħna, inqerruh u nippruvaw nikkontrollaw il-kurżità tagħna u ż-żina tagħna. Min jista’ jifhem ħa jifhem.
Hekk ukoll meta nħarsu lejn il-ġuf tal-mara, aħna nassoċjawh mad-don tal-maternità. Il-ġuf tal-mara mhux kerrejja. Il-ġuf tal-mara mhux remissa li fiha tpoġġi l-bajda u ż-żerriegħa ta’ ħaddieħor. Il-ġuf tal-mara mhux għall-kiri. Il-ġuf tal-mara huwa don tal-maternità u dak li jitrabba fih inissel għaqda qawwija mal-mara li hija omm għax qed trabbi bniedem ġdid fil-ġuf tagħha u twelldu mill-ġuf tagħha. U għalhekk aħna ngħidu lill-professuri mustaċċuni, le anke jekk tista’ tagħmilha, il-ġuf tal-mara mhux għall-bejgħ u lanqas għall-kiri.
“Imbierek il-ġuf li ġabek u s-sider li rdajt”. O Marija għallimna nqimuk, nipproteġu l-unur tiegħek għax int għidt: “kull nisel isejjaħli ħienja” (Lq 1, 48). Għallimna nrażżnu l-kurżità u ż-żina tagħna u għalhekk inħarsu lejn xulxin b’qalb u b’ħarsa safja. Għallimna nipproteġu d-dinjità tal-ġuf tal-mara.
+ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta