• Is-Sibt 15 ta’ Awwissu 2015, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa Pontifikali fil-knisja parrokkjali tal-Mosta, fl-okkażjoni tal-festa tat-tlugħ fis-Sema ta’ Sidtna Marija.

  • Paniġierku tal-Arċisqof waqt il-Pontifikal ta’ Santa Marija

  • Knisja Parrokkjali, il-Mosta

    15 ta’ Awwissu 2015

    Nixtieq naqsam magħkom riflessjoni qasira minn dan il-vers mill-Ewwel Qari tal-quddiesa tal-lum: “Infetaħ it-tempju ta’ Alla li hemm fis-sema u dehret l-arka tal-Patt tiegħu fit-tempju tiegħu” (Apok 11,19). It-tempju ta’ Alla li hemm fis-sema huwa Alla nnifsu. Meta aħna nippruvaw nispjegaw lil xulxin bi kliem ta’ fidi x’inhu d-destin tagħna, nużaw il-kelma ġenna. U aħna, ta’ rwieħ imġissmin li aħna, jiġifieri marbutin biż-żmien u l-ispazju, biex nifhmu għandna bżonn nimmaġinaw post.
    Il-ġenna mhuwiex xi galassja ’l bogħod jew xi pjaneta ’l bogħod, imma hija l-ħajja ta’ Alla nnifsu. Id-destin tagħna huwa għalhekk l-għerq tad-dinjità tagħna, u d-destin tagħna huwa l-qabar u l-korruzzjoni tiegħu. Kieku l-aħħar kelma fuq l-eżistenza tagħna l-bnedmin hija l-kesħa tal-irħam u t-taħsir tal-ġisem tagħna, aħna razza tassew imsejkna għaliex m’hemmx differenza bejna u bejn il-ħlejjaq li ma jaħsbux u li ma jinkwetawx, u jkollna ngħidu: dan l-inkwiet, dan il-ħsieb kollu, għalfejn?
    Meta m’ilhux inġiebu Malta esperti umanisti biex jippreparaw lil min ma jemminx biex jiċċelebra l-mewt, għidt lili nnifsi: imma dawn x’jgħidu? Iħarsu lura biss għax bl-espressjoni ta’ Dun Karm għalihom il-qabar huwa bla tama anzi, f’wieħed mis-sunetti għan-nawfraġju ta’ San Pawl, meta jiftakar fuq missirijietna qabel il-miġja tal-fidi Nisranija, il-poeta nazzjonali jgħid: “bla tama l-benniena, bla tama l-qabar”.  U aħna għandna esperti li qed iħeġġuna niċċelebraw din in-nuqqas ta’ tama. Jalla jkollhom anke huma biex jgħixu, imma qiegħed hawn jien, bir-rispett kollu lejhom, biex ifittxu xogħol ieħor.
    Intom ukoll qegħdin hawn biex tiċċelebraw miegħi, ir-ragħaj tagħkom, il-fatt li għalina l-qabar mhuwiex l-aħħar kelma, il-korruzzjoni tal-fdalijiet umani tagħna mhumiex id-destin tagħna, imma l-grazzja tal-qawmien mill-imwiet! Ġisem mibdul, ġisem li ma jbatix iżjed in-nuqqas ta’ taħsir. “Infetah it-tempju ta’ Alla li hemm fis-sema u dehret l-arka tal-Patt tiegħu”.  Din l-arka tal-patt mhijiex l-arka tal-patt ta’ njam prezzjuż indurat bid-deheb li għamel Mosè, għax il-ġenna huwa stat spiritwali u m’hemmx oġġetti materjali. Allura x’inhi din l-arka tal-patt li hemm fit-tempju ta’ Alla? Hija persuna, persuna glorifikata li aħna llum b’ferħ kbir, minkejja t-taqtigħ il-qalb għat-temp u għax-xita, irridu nagħmlulha festa kbira.
    L-arka tal-patt hija l-Madonna, hija Santa Marija għaliex diġà l-Evanġelu ta’ San Luqa, fil-bidu nett, hekk jifhimha u hekk jirrappreżentaha. L-arka tal-patt x’kienet? Kienet kaxxa iddisinjata b’reqqa kbira bil-kotba tad-Dewteronomju u tan-Numri li fiha Mosè poġġa t-twavel tal-liġi u ftit manna li l-Mulej uża biex jitma’ l-poplu tiegħu fid-deżert. Ma kinetx Alla, imma kienet is-simbolu tal-preżenza ta’ Alla. Fejn kien hemm l-arka tal-Patt, din il-kaxxa tad-deheb, il-poplu Lhudi tgħallem jiftakar fil-preżenza ta’ Alla ħaj u veru fostu.       
    Fl-arka kien hemm il-kelma ta’ Alla minquxa fit-twavel tal-ġebel. Kien hemm ukoll il-manna li l-Mulej ta mis-sema biex jitma’ lill-poplu tiegħu fil-vjaġġ tiegħu fid-deżert. Marija hija l-arka tal-patt il-ġdid. Mhijiex kaxxa tal-injam, lanqas hija statwa, imma hija persuna sempliċi u umli, sabiħa fil-virtujiet tagħha li Alla ried biex tkun l-arka l-qaddis li fih isir bniedem. Bir-raġun il-mara fil-folla imsaħħra bit-tagħlim ta’ Ġesù qaltlu: “Imbierek il-ġuf u s-sider li rdajt, imbierek” (Lq 11, 27). Sidtna Maria kellha l-privileġġ li tkun magħżula bħala dak il-ġuf, it-tokos, li fih il-kelma ta’ Alla ssir bniedem, jitlaħħam, jieħu l-laħam tagħna.
    Ħalli nippruvaw nifhmu l-interpretazzjoni ta’ dak li qed ngħid, mill-Evanġelu li għadna kemm smajna. “F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn il-għoljiet…malli Eliżabetta semgħet lil Marija issellmilha, it-tarbija fil-ġuf tagħha,” ta’ Eliżabetta, “qabżet bil-ferħ”. U Eliżabetta qalet: “imbierka inti fost in-nisa u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek” (Lq 1, 39-43). Għax Marija, f’din iż-żjara tagħha lil Eliżabetta, nisslet fil-ġuf tagħha, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, bil-kelma t’Alla magħmula bniedem, dak il-ġuf qaddis tagħha lil Alla Marija tagħtu l-laħam, l-umanità, l-umanità tal-Iben t’Alla maħluqa fil-ġuf ta’ Marija, dak il-ġuf qaddis ta’ Marija li hija dik l-arka tad-deheb, l-arka tal-patt il-ġdid, l-arka qaddisa li llum fl-Għid tagħha tħaffef lejn il-għoljiet.  
    Illum għalhekk, irridu nqimu l-ġisem uman ta’ Marija li kien ukoll l-arka tal-ġisem uman tas-   Salvatur. Imma seta’ jkun li ma jkunx hemm skambju bejn l-Iben u l-omm?  Ma setax ikun! Hi tatu l-umanità, u l-Iben t’Alla sar bniedem, sar laħam, imma lil ommu taha ż-żerriegħa tal-qawmien mill-imwiet. Illum qed jiċċelebraw dan l-iskambju tad-doni bejn l-omm u l-iben.  L-omm tatu l-umanità u lil ommu l-Mulej jagħtiha l-qawwa tal-qawmien mill-imwiet mingħajr it-taħsir tal-ġisem. Mhuwiex il-privileġġ tagħna; aħna meta jwassluna fil-qabar, anzi qabel, jibda l-proċess tal-korruzzjoni tal-ġisem tagħna li jmut. U nagħmlulu x’nagħmlulu, ġisem mejjet ikun u ġisem mejjet jibqa’.
    Il-ġisem ta’ Ġesù fit-tielet jum ma rax it-taħsir. Is-Sindone li hemm Turin hija prova ta’ dan il-passaġġ bejn il-ħajja tal-art u l-immortalità. Din l-enerġija straordinarja li tat, tibdel l-univers u li għaddiet minnha wkoll Santa Marija bi privileġġ speċjali ta’ omm li kienet. Mhux ta’ b’xejn Marija b’risposta għat-tislima ta’ Eliżabetta tgħid: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej u l-Ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi” (Lq 1, 46-47). Hi kienet taf x’jiġifieri Alla Salvatur għax fit-tnissil tagħha minn ommha u missierha, Anna u Ġwakkin, ħarisha mit-taħsir tad-dnub u fit-tmiem ta’ ħajjitha ħarisha mit-taħsir tal-ġisem tagħha.
    Fil-bidu tal-ħajja umana tagħha, taha grazzja li tkun imħarsa mid-dnub u fit-tmiem tal-ħajja tagħha taha l-grazzja li tkun imħarsa mill-effett tad-dnub li aħna nbatu minnu: it-taħsir ta’ ġisimna. Imma ried jagħmilha għalina sinjal ta’ tama, għax kif jgħid San Pawl: “Jekk Kristu ma qamx mill-imwiet, fiergħa hi l-fidi tagħna” (1 Kor 15, 14). Imma mhux biss qam Hu mill-imwiet, “l-ewwel fost dawk li raqdu” (15,20), imma wkoll ġibed miegħu lil ommu bl-istess qawmien glorjuż. Il-Madonna ma qamitx bil-qawwa tagħha imma bir-rieda ta’ Binha s-Salvatur tagħha, u għalhekk ma ngħidux: qamet mill-imwiet, imma ġiet assunta fis-sema.
    L-ikonografija orjentali, b’mod delikat imma l-iżjed sabiħ, tippreżenta lil Ġesù li jbennen fi ħdanu lil Marija fl-assunta tagħha. U jiena, meta nħares lejn din l-ikona tal-Assunta li ħutna l-orjentali tant jgħożżu, ngħid: kemm hi ħaġa sabiħa, hi li bennitu meta kien tarbija, issa jbenninha hu fl-assunzjoni tagħha, fl-għid tagħha tal-Assunta.
    Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna l-Maltin niċċelebraw l-Għid il-kbir ta’ Ġesù, imma mill-antik din il-festa ta’ ommu sejjaħnielha wkoll l-Għid tal-Assunta, l-Għid mhux biss semitiku bħala ‘festa’, imma wkoll il-fatt li aħna u niċċelebraw il-ħmistax ta’ Awwissu, naħsbu fil-jum qaddis tal-Għid il-kbir tal-Mulej.
    “Hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu”, tgħid Marija, “iva minn issa ’l quddiem kull nisel isejjaħli ħienja” (Lq 1, 48) u aħna bil-qalb lill-Madonna ngħidulha ħienja għax l-hena tagħha huwa l-hena tagħna, dak li ġara lilha fil-mument u kif irid il-Mulej, iseħħ lilna wkoll b’mod differenti għax hija assunta fis-sema u aħna fi tmiem id-dinja niltaqgħu wiċċ imb wiċċ, glorjużi, jekk nagħmlu r-rieda tiegħu fuq l-art. Kemm hi ħaġa sabiha u ta’ unur għalina li aħna lill-Madonna nibqgħu nsejħulha ħienja, nibqgħu nfaħħruha, nibqgħu niċċelebrawha.
    Nirringrazzjakom tal-preżenza tagħkom hawn. Lill-Arċipiet tlabtu li jekk jagħtini l-grazzja, sakemm indum Arċisqof, il-katidral fl-Assunta jkun hawnhekk, fil-knisja tal-Mosta. Jien iddeċidejt li mmur fejn hemm in-nies, mhux għax in-nies bilfors se jiġu fejn inkun jien.
    Kemm hi ħaġa sabiħa wkoll li aħna, li nħobbu l-qaddisin tagħna, ikollna l-kuraġġ niddefenduhom mit-tkasbir u mit-twaqqigħ għaċ-ċajt. Jiena timpressjonani d-deċiżjoni tagħna l-Maltin, mitt sena ilu, meta ridna nfakkru l-Kungress Ewkaristiku tal-1913 u qabbadna lil Antonio Sciortino, Malti bħalna, ġenju straordinarju tal-iskultura, biex jagħmlilna l-momument ta’ Kristu Re. U l-monument ta’ Kristu Re, fil-Furjana, m’għandux biss lil Ġesu miexi b’ħarstu ’l quddiem jgħidilna li dan hu l-progress li nisimgħu l-kelma tiegħi u tirrispettaw  lil xulxin. Imma hemm il-figura wkoll ta’ Malta li ma staħatx mitt sena ilu tkun irrapreżentata għarkupptejha quddiem is-Salvatur. Forsi llum, għax kbirna u stagħnejna, nistgħu lil Malta nqajmuha fuq riġlejha u tgħidlu: ħa nobżoqlok għax jiena għandi l-libertà tal-espressjoni. Aħna l-Insara, nies twajbin, ma nħobbux il-vjolenza imma lanqas nieħdu pjaċir bil-provokazzjoni.
    L-affarijiet, għeżież tagħna, lil Ġesù fl-Ewkaristija, lil Santa Marija, aħna ngħożżuhom u nippretendu li anke min ma jaqbilx magħna, jirrispettahom. Mhux qed nimponulu l-fidi tagħna imma qed ngħidulu: irrispettana billi tirrispettahom. Esprimi ruħek kemm trid, imma l-espressjoni tiegħek tieqaf meta tibda biss tinsulentana. Għax l-espressjoni tiegħek li tinsolenta, tweġġa’ l-qalb tagħna u ma tistax tippretendi li aħna nibqgħu jdejna marbuta nħarsu lejn is-saqaf. U min ma fehmx nawguralu li jifhem.  U biex taxxaqha, aħna u ngħidu li biex tesprimi ruħek tista’ tinsolenta l-affarijiet għeżież li huma qalb il-poplu Malti, għidna wkoll pubblikament tista’ tinsolenta lill-bniedem, lill-mara u lir-raġel bid-dinjità tagħhom, bil-pornografija aperta. Min jobżoq lil Alla qed jobżoq ukoll lill- bniedem, ħuti, u hemm loġika kważi djabolika li inti tippermetti l-vilipendju tar-reliġjon u t-tkasbir tad-dinjità tal-bniedem.     
    Illum, fit-tlugħ is-sema ta’ Marija, aħna nirringrazzjaw lil Alla talli ġisimha sabiħ bis-safa tagħha ma rax it-taħsir tal-qabar, għax aħna nemmnu li jekk niddefendu x-xbihat tal-injam iżjed u iżjed irridu niddefendu d-dinjità tal-bniedem ħaj, hu min hu u ta’ liema razza hu, u ta’ liema reliġjon u ta’ liema idea hu. Imma, ħija, waqt li nirrispettak u nirrispetta l-libertà tiegħek ma nagħtikx id-dritt tinsulenta lill-affarijiet għeżież tiegħi. Kellu raġun il-Papa Franġisku jgħid: min jinsolenta lil ommi l-għażiża, xi daqqa ta’ ħarta se jistenna”. Mela aħna l-Maltin m’għandniex nibżgħu u nwasslu messaġġ ċar fl-Għid ta’ Santa Marija: il-Parlament jagħmel li jrid u aħna nagħmlu wkoll meta jasal il-waqt.
    Sidtna Marija, dawwal il-moħħ u l-qalb tagħna biex aħna ma nibżgħux mill-hena li għallimna Ibnek u nobduk meta għidtilna: agħmlu dak li jgħidilkom hu, Ibni. Sidtna Marja, jekk il-liġi ma tiddefendikx, niddefenduk aħna, mhux bil-vjolenza għax aħna m’aħniex t’hekk, imma billi        nkabbru fil-familji tagħna d-devozzjoni vera lejk, l-imitazzjoni tal-virtujiet tiegħek tal-umiltà, tas-safa, tas-smigħ tal-kelma ta’ Alla, tal-imħabba tal-għedewwa – virtù tant iebsa.
    O Marija, bierek lil Malta tagħna, kun int li tħarisha għax aħna nħossuna dgħajfin. Aħna quddiem il-poter inħossuna beżgħanin, aħna wkoll għandna t-tentazzjoni li, għax il-but ikun mimli, allura kollox jgħaddi, u iva! Aħna dgħajfin. Int li twelidt fqira u mitt fqira, kellek il-grazzja li Ibnek isalvak mit-taħsir tad-dnub u mit-taħsir tal-qabar. Aħna li nafu x’jiġifieri t-taħsir tad-dnub u se nkunu nafu wkoll x’jiġifieri it-taħsir tal-qabar, nemmnu f’Ibnek li qam mill-imwiet għax jekk permezz ta’ bniedem feġġet il-mewt, bi bniedem ukoll seħħ il-qawmien mill-imwiet.
    Ejjew nifhmu x’inhu jgħid San Pawl: “Bi bniedem ukoll iseħħ il-qamwien mill-imwiet” (1Kor 15, 21), imma l-Iben t’Alla kif sar bniedem?  Marija tatu l-umanità tiegħu. Allura Marija hija wkoll iċ-ċavetta tal-qawmien għall-ħajja tagħna għax il-Mulej ikkomunika ir-reżurezzjoni tiegħu, bid-don tal-immortalità, permezz tal-umanità tiegħu li ħa minn Marija. Ejjew nirringrazzjaw lill-Mulej imma wkoll nirringrazzjaw lil Marija għax hi tat dik l-umanità lil Ġesù li permezz tagħha ikkomunika l-immortalità lilna.      
    Nirringrazzjawk, O Ġesù, tad-don tal-qawmien mill-imwiet u nirringrazzjawk talli inti u tħadddan f’dirgħajk lil ommok Marija u twassalha bħala dik l-arka fit-tempju tal-Mulej, tajtna sinjal sabih ta’ tama. Viva Ġesù Salvatur, viva Marija mtellgħa s-sema!
     

    + Charles J. Scicluna

       Arċisqof ta’ Malta