-
-
Nhar l-Erbgħa 9 ta’ Settembru 2015, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fl-okkażjoni tal-50 anniversarju tal-Fergħa Ewkaristika, fiċ-Ċentru Ewkaristiku, il-Marsa.
Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
-
Ċentru Ewkaristiku, Il-Marsa
9 ta’ Settembru 2015
Ħamsin sena ilu, is-superjur Gorġ Grima nsista li l-għaqda li beda flimkien mat-tnax ir-raġel li sejħilhom ‘appostli’, tkun tissejjaħ u tiġi rikonoxxuta bl-isem ta’ fergħa, Fergħa Ewkaristika.
Għalhekk huwa xieraq li Fr Ray illum qralna dan l-Evanġelu (Ġw 15, 18), fejn il-Mulej stess isejjah lilu nnifsu d-Dielja, u lilna jsejħilna friegħi, u fuq il-fergħa jgħid diversi affarijiet. Jekk aħna jkollna nħarsu lejn dawn l-ewwel ħamsin sena tal-Fergħa Ewkaristika – jalla jkollha ħafna iżjed minn dawn l-anniversarji imma jiddependi minna wkoll u minn jiġi warajna – nindunaw li ħafna affarijiet li jsemmi Ġesù fil-Vanġelu seħħu diġa fl-ewwel ħamsin sena tal-Fergħa.
L-ewwelnett, il-Fergħa tat ħafna frott għaliex baqgħet maqgħuda ma’ Ġesù u ma’ Ġesù fl-Ewkaristija. Mela l-ewwel ħaġa li rridu nagħmlu llum, aħna u niċċelebraw il-ħamsin sena tal- Fergħa Ewkaristika, huwa li nirringrazzjaw lil Alla tal-ġid kollu li sar u tal-qdusija kollha li ħarġet minn dan il-post.
Alla ħares qatt tiġina t-tentazzjoni, għalkemm naqgħu għat-tentazzjoni, li naħsbu li l-ġid li sar għamilnih aħna, imma ejjew nirringrazzjaw lill-Mulej talli nqeda bis-superjur Ġorġ, in-nies li ħadmu miegħu u tħabtu miegħu, biex isir ħafna ġid. Tant adorazzjonijiet, tant rużarji, tant pellegrinaġġi, tant laqgħat, bla tarf! Illum għalhekk, irridu bilfors ngħidulu grazzi lill-Mulej tal-ġid kollu li sar. Imma rridu ngħidulu grazzi wkoll talli lil din il-Fergħa għażiża ma ħelishiex mir-regola tal-fergħa li huwa jħobb. Għaliex Ġesu stess jgħid li: “Il-Missier huwa l-bidwi, kull fergħa fija li tagħmel frott” – ħa ninsa dik li ma tagħmilx frott għax mhux fuq din qed nitkellmu llum – “kull fergħa fija li tagħmel frott jiżborha u jnaddafha biex tagħmel frott aktar”. Issa t-tindif tad-dielja u tal-friegħi tagħha jiġi anke bit-tbatija; jiġi l-mument meta d-dielja jkollok tiżborha, u dan isir fix-xitwa ġeneralment. Il-Mulej, il-Fergħa għażiża tiegħu inaddafha anke bl-umiljazzjoni. Aħna llum rridu nitolbu maħfra ta’ kemm inkwetajna lis-superjur, imma irridu nitolbu maħfra wkoll talli ħafna drabi nsejna l-għan ewlieni tal-Fergħa li hija għall-adorazzjoni ta’ Ġesù Ewkaristija, u ntlifna f’affarijiet inqas importanti.
Il-Mulej b’din l-umiljazzjoni ma jridtx jeqridna imma jnaddafna. U hemm bżonn umiltà kbira. Kulħadd jagħmel l-eżami tal-kuxjenza tiegħu u jgħid: jiena ma bqajtx niġi, jiena dendilt geddumi, jiena ħsibt li jiena iżjed qaddis minn ħaddieħor. Kulħadd għandu d-dnub kbir jew żgħir tiegħu, m’aħniex se nagħmlu qrara pubblika hawnhekk illum, imma hemm bżonn nirringrazzjaw lill-Mulej talli jgħaddina wkoll mhux biss mir-rebbiegħa u s-sajf imma anke mill-ħarifa u x-xitwa. L-għan tal-Mulej u x-xewqa tiegħu hija li nibqgħu nagħmlu l-frott.
Din hi x-xewqa ċara tiegħi għall-Fergħa Ewkaristika. Jekk hemm żmien li fih din l-opra għażiża għandha missjoni huwa llum. Għax illum iżjed minn qatt qabel, għandna bżonn ninżlu għarkubbtejna quddiem l-Ewkaristija biex naduraw lil Ġesù ħaj fis-Sagrament li ħallilna: adorazzjoni ta’ tpattija, adorazzjoni ta’ ringrazzjament, adorazzjoni ta’ interċessjoni.
Ovvjament, dak ta’ denbu twil jagħmel ix-xogħol tiegħu bil-firda li jġib fostna, u aħna nagħmlu l-parti tagħna, iżdamhux biex ngħinuh, għaliex ix-xitan ismu huwa akkużatur, u dak li jġib il-firda. Ejjew nifhmu ftit kemm kultant jaf idawwarna biex nagħmlu x-xogħol tiegħu billi nakkużaw lil xulxin u ninfirdu minn bejnietna. Imma l-Ispirtu qaddis tal-Mulej huwa dak li jiddefendi, konsolatur, u dak li ġib l-għaqda. Il-Mulej idawwalna biex aħna nkunu wlied tassew ta’ Ġesù Ewkaristija.
Minn hawnhekk jien nixtieq li nkompli mhux biss il-kult tal-Ewkaristija imma anke d-devozzjoni lejn ir-Rużarju qaddis tal-Verġni Marija. Hija talba sempliċi, hija t-talba tal-umli, imma kienu dejjem l-umli li salvaw l-umanità. Il-Madonna stess qalet: “ħares lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu” (Lq 1, 48). Forsi għalhekk f’dan iż-żmien bagħat Isqof ċkejken biex aħna niftakru fil-kelma tal-Madonna: “ħares lejn iċ-ċokon tal-qadejja tiegħu”.
Ħuti, aħna rridu nkun determinati li ma nħallux xi erba’ episodji tax-xitwa f’dawn il-ħamsin sena ifixkluna milli nibdew rebbiegħa ġdida. Tinsewx li l-kelma bidwi bil-Grieg hija georgios, minn fejn ġej l-isem Ġorġ. Ġorġ, li l-Mulej għażlu anke fiċ-ċokon tiegħu biex ikun fundatur ta’ din ir-realtà. Illum nirrikonoxxu r-rwol ta’ Ġorġ Grima, insellmulu, insellmu t-tifkira tiegħu, imma l-ikbar rigal li nistgħu nagħmlu lis-superjur – għax aħna dejjem hekk konna nsejħulu – huwa li aħna nkomplu l-opra li l-Mulej ispirah li jwaqqaf.
Jiena, bħala Arċisqof ta’ Malta, ngħid: din l-opra għandi bżonnha u nixieq niggarantixxi l-futur tagħha, imma intom tafu li r-risposta għal din ix-xewqa tiegħi hija intom u ż-żgħażagħ li intom tħajru. Il-Mulej ikun hu li jitfa’ l-balzmu tal-ħniena fuq il-feriti tagħna għax aħna bnedmin, imma rridu nħarsu lejn Sidtna Marija li tistedinna nqimu lil Binha Ġesu: O Ġesù Ewkaristija, kun int il-ferħ u l-hena ta’ ħajti kollha.
✝ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
-
-
Ritratti: Charles Debono