-
-
Nhar il-Ġimgħa 16 t’Ottubru 2015, l-Arċisqof Charles J. Scicluna iċċelebra Quddiesa fl-okkażjoni tal-Jum tal-Forzi Armati ta’ Malta, fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.
Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
-
Kon-katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta
16 ta’ Ottubru 2015
Ippermettuli nislet ħsieb qasir ispirat mill-frażi li smajna fit-Tieni Qari mill-Ittra ta’ San Pawl appostlu u misserna, lir-Rumani. Hu jgħid hekk (Rum 13:5) “Jeħtieġ li toqogħdu għall-awtorititajiet, mhux biss minħabba l-korla, imma wkoll minħabba l-kuxjenza”.
F’din is-silta, l-appostlu Pawlu jitkellem dwar l-ordni soċjali, u l-kliem tiegħu wieħed jista’ jifhmu kemm għall-komunità tal-Knisja li hija wkoll is-soċjetà, imma fuq kollox għall-ordni soċjali fejn l-istat għandu d-dover jeżerċita l-awtorità li l-Appostlu jgħid li ġejja minn Alla: “l-awtoritajiet li qegħdin hemm bl-ordni ta’ Alla”.
Il-kuxjenza safja taċ-ċittadin hija kuxjenza li tiżen il-liġijiet u tobdihom, mhux biss minħabba l-konsegwenzi tad-dizubbidjenza, jew għaliex għandhom sanzjoni li tħeġġiġhom u tippromovihom. Il-kuxjenza tal-bniedem tibqa’ ġudizzju importanti li wieħed jagħmel meta qiegħed jobdi ordni superjuri jew tal-awtorità. Din il-ħaġa tgħodd ukoll għall-Armata.
L-ewwelnett, l-Armata għandha bżonn l-ordni tal-awtorità. Mingħajr ordni tal-awtorità, armata ma tistax iżżomm fuq saqajha għaliex id-dixxiplina, ir-rispett fl-awtorità, u anke ċ-chain of command huma essenzjali għall-Armata.
Dis-sena aħna qegħdin infakkru wkoll is-70 sena mill-ġuri ta’ Nurinberga li wara d-diżastru u t-traġedja tat-Tieni Gwerra dinjija, stabilixxa l-prinċipju fundamentali li l-ubbidjenza, anke fl-Armata, anke fl-Istat, ma tistax tkun ubbidjenza għamja, imma kif qal Pawlu elfejn sena qabel, trid tkun “skont il-kuxjenza”. Mela ordni, anke militari: biex inti tispara fuq bniedem innoċenti, mhux armat, jew inkella li tittortura bniedem u tneżżgħu mid-dinjità, m’għandekx tobdieha.
Aħna rridu nitolbu l-grazzja li l-Mulej ibegħdna minn dawn it-traġedji, imma nitolbu wkoll l-għaqal u l-għerf li nitgħallmu mill-istorja. M’hemm l-ebda awtorità li għandha tkun ħielsa mill-iskrutinju, m’hemm l-ebda awtorità li għandha tkun ħielsa mill-ġudizzju dwar jekk qegħdhiex tirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Wara kollox, il-Kostituzzjoini tar-Repubblika ta’ Malta mhux ta’ b’xejn tisħaq fuq id-drittijiet fundamentali tal-bniedem li huma liġi sovrana u li għandhom irieġu kull chain of command, kull ordni u kull mod kif wieħed jaġixxi.
Jekk aħna nistaqsu: ‘imma l-kuxjenxa kif se tiggwidana?’ Il-Vanġelu jagħtina kriterju importanti. Il-Mulej, hu u jirrispondi wieħed mill-kittieba dwar liema wieħed fost il-kmandamenti kollha huwa l-ewwel, jgħaqqad żewġ kmandamenti u jisħaq li huma żewġ faċċati tal-istess munita: l-imħabba lejn Alla u l-imħabba lejn il-proxxmu (Mk 12, 28-34). Ma tistax tpoġġi l-colours tiegħek fuq l-artal imbagħad tkasbar id-dinjità tal-bniedem.
Jiena, illum, irrid insellem lill-Forzi Armati tagħna ta’ dak kollu li jagħmlu biex jiżguraw is-sigurezza tagħna u x-xogħol li jagħmlu biex isalvaw tant ħajjiet, u jidderieġu tant ħajjiet fuq l-ibħra. Jiena ngħidilkom grazzi, ngħidilkom grazzi f’isem il-Mulej. Aħna għandna bżonn is-servizz tagħkom biex aħna fl-għixien soċjali tagħna nħossuna siguri. Siguri mhux biss kontra l-aggressjoni terroristika u nġusta, imma siguri għax nafu li l-Armata se tiddefendina, li se tirrispetta dejjem id-dinjità ta’ kull ċittadin u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem.
Wara kollox, meta l-Mulej għażel lil Ġożwè biex ikun mexxej wara Mosè, tah il-parir biex jimxi fit-triq id-dritta tal-liġi tal-Mulej: “la tilwix minnha la lejn il-lemin u lanqas lejn ix-xellug biex ikollok ir-risq f’kull ma tagħmel” (Ġoż 1, 7).
Fl-Armata, bħalma aħna nqisu b’rispett ukoll lill-Presidenza tar-Repubblika, aħna rridu sigurezza ta’ forza li tagħtina sigurezza mingħajr ma tħares lejn il-lemin u lejn ix-xellug, biex iċ-ċittadini kollha kemm huma, huma min huma, iħossuhom li għandhom min jiddefendihom mingħajr ma jħares lejn il-kulur tagħhom qabel jieħdu deċiżjoni.
Jiena nitlob għalikom biex dan il-prinċipju fundamentali ta’ sigurezza ugwali u leġittima għal kulħadd, ikun dak li jispira l-aġir tagħkom, id-deċizjoni tagħkom, u l-ħajja tagħkom.
✝ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
-
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja