-
-
Nhar it-Tlieta l-1 ta’ Diċembru 2015, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa ta’ ringrazzjament għall-gradwati l-ġodda tal-MCAST, fil-Katidral tal-Imdina.
-
-
Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Katidral tal-ImdinaL-1 ta’ Diċembru 2015Nixtieq naqsam ftit ħsibijiet qosra ispirati mill-kelma t’Alla li għadna kemm smajna, u anke mill-okkażjoni li ġabritna hawn illum. L-ewwelnett nixtieq nawgura ħafna u bil-qalb lill-istudenti kollha li spiċċaw b’suċċess l-istudji tagħhom u li ġew hawnhekk biex jirringrazzjaw lill-Mulej. Jiena nirringrazzja wkoll lill-istaff, nirringrazzja lilek Eċċellenza Aġent President. Il-preżenza tiegħek mhux biss hija ta’ unur għalina imma ta’ ferħ kbir li nilqgħuk f’din il-Knisja Katidrali, u fir-rwol li qed tirrapreżenta, jiġifieri r-Repubblika ta’ Malta.
Jekk aħna nħarsu lejn l-Ewwel Qari li għadna kemm smajna, minn Isaija (Is 11, 1-10), nindunaw li b’mod poetiku ħafna, il-profeta jippreżenta utopija li hija paradossali u fit-termini tagħna impossibbli, għaliex biex jenfasizza l-paċi li se jġib il-Messija, jaqbad elementi kontradittorji u antagonistiċi u jirrikonċiljahom: il-leopard u l-ħaruf, il-lifgħa u t-tifel żgħir. Ilkoll kemm aħna għadna xxukjati bl-inċident li fih tifel ta’ tliet snin ġie aggredit minn tigra, u din l-immaġini, li mhix ta’ fantaxjenza, tispjegalna kemm hu paradossali l-kliem tal-profeta għaliex anke f’ambjent li huwa suppost idilliku, il-leopard jibqa’ leopard, u t-tigra tibqa’ tigra, u t-tarbija tibqa’ bla difiża.
Din l-enfasi poetika fuq dawn il-kuntrasti li jiġu rikonċiljati, ġġagħalna naħsbu ftit fuq kemm hi radikali l-paċi li jrid jintroduċi l-Messija – li l-komunità Nisranija tagħraf ’il Ġesù ta’ Nażaret. Aħna nibqgħu nagħmlu l-mistoqsija: jista’ qatt jasal mument u jkun hemm realtà fejn il-ħaruf jgħix mal-leopard u jibqa’ ħaj? Għax lanqas ħmar ma kellu dix-xorti għax ġie żbranat mill-iljuni l-ġimgħa li għaddiet f’Malta.
Imma xi tfisser din ix-xbieha daqshekk qawwija? L-ewwelnett hija sfida għalina biex nibqgħu nittamaw fl-umanità. Aħna qegħdin ngħixu f’kontinent u f’baħar Mediterran li huwa taħt sfida terroristika mingħajr preċedenti, u l-ewwel istint tagħna hu li aħna nirriġġettaw kull utopija jew kull profezija li tgħidilna li r-rikonċiljazzjoni hija possibbli. Ħafna minna kultant, kif jiġu fit-tentazzjoni li meta jisimgħu kliem ta’ djalogu u ta’ rikonċiljazzjoni, jgħidu: ‘imma dan huwa il-kliem tad-dgħajjef li ma jafx x’inhi r-realtà’. Il-kelma t’Alla llum tisfidana biex nemmnu fl-aspirazzjonijiet ta’ paċi u ta’ rikonċiljazzjoni l-iżjed fundamentali li hemm fil-qalb tagħna.
Jiena qed inkellem lin-nies tat-teknika, tal-arti u tax-xjenza, nies li, ġustament, minħabba l-formazzjoni tagħhom, l-ewwel atteġġjament quddiem ir-realtà hija l-mistoqsija. Huwa sinjal ta’ intelliġenza u tad-dinjità veru tal-bniedem. Anke Marija, hi u tilqa’ l-messaġġ tal-anġlu, tilqgħu l-ewwel b’mistoqsija: “kif jista’ jkun dan? Kif ikun dan?” (ara Lq 1, 34). Din hija mistoqsija li takkumpanjana f’kull mument ta’ dan l-Avvent li għadna kemm bdejna. Quddiem il-misteru tal-Iben t’Alla li jsir bniedem, aħna, ta’ bnedmin ngħidu: ‘kif ikun dan?’ Quddiem Alla li jsir wieħed minna nistaqsu: ‘imma kif jista’ jkun dan?’.
Jiena allura rrid insellem mhux biss l-intelliġenza tagħkom, imma wkoll is-sistema edukattiva tagħna li jpoġġilna fil-mixja ta’ ħajjitna ħafna domandi. U jiena nistaqsi lili nnifsi: “x’risposta nista’ noffri?”. L-ewwelnett hija risposta li tirrispetta r-raġuni tal-bniedem. Il-proposta ta’ Ġesù mhijiex proposta li tbellagħha bħal ma tbella r-ross bil-labra, imma hija proposta li tirrispetta l-intelliġenza u l-libertà tal-bniedem. Nixtieq quddiemkom, nies tat-teknika, tal-arti u tax-xjenza, nitlob maħfra ta’ kemm il-darba aħna u nippreżentaw il-proposta ta’ Ġesù, ippruvajna inbellgħu r-ross bil-labra u ma rrispettajniex l-intelliġenza u l-libertà tal-bniedem.
M’aħniex hawn biex naqtgħu qalbna mill-proposta ta’ Ġesù – dik li jkun għalina l-Għimmanu-El u Salvatur, iż-żewġ ismijiet tiegħu. Għimmanu-El tfisser Alla magħna u dak huwa l-għatx kbir tal-Mulej li jkun magħna. Jismu wkoll Ġesù, Alla jsalva, li jixtieq jilliberana minn kull jasar biex aħna ngawdu ħajjitna hawnhekk u jkollna għalina nfusna u għal min inħobbu l-iżjed u għal kulħadd, destin sabih fl-eternità.
Nikkonkludi billi nerġa’ nirringrazzjakom tal-preżenza tagħkom hawn. Se tibdew fażi oħra fil-ħajja tagħkom: min l-approfondiment fir-riċerka u min ħajja ta’ xogħol. Nissuġġerilkom żewġ attributi u virtujiet: is-sens ta’ responsabbiltà lejn is-soċjetà, u l-onestà magħkom infuskom. Dak li ħadtu u dak li hu fikom qisu li jkun ta’ servizz għall-ġid komuni. Kunu wkoll onesti magħkom nfuskom, skopru l-ġid li l-Mulej poġġa fil-qalb tagħkom, il-ħolm li bih qiegħed jistedinkom għal affarijiet kbar, u taqgħtu qalbkom qatt. Il-Mulej ibierek il-ħolm sabiħ tagħkom u jagħmlu realtà għal ġid tal-umanità.
✝ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
-
Ritratt: MCAST – Jonathan Borg