F’Quddiesa li saret is-Sibt filgħaxija fil-KonKatidral ta’ San Ġwann għall-koppji li iżżewwġu matul l-2009, l-Arċisqof Pawlu Cremona OP tkellem dwar il-valur taż–żwieġ għas-soċjeta’ tal-lum u għall-ġejjieni. L-Arċisqof stqarr li hija r-reliġjon li nistqarru, li żammet soda l-familja Maltija.
Fil-bidu tal-messaġġ tiegħu, l-Arċisqof rringrazzja lill-koppji mizzewġa u stqarr li l-prezenza tagħhom hija ta’ nkoraġġiment kbir għalih, għal Knisja f’Malta u għal pajjiż. Qal li bl-istess mod li huma qed jagħmlu kurraġġ lilu, hu xtaq jagħmel kurraġġ lilhom billi jgħidilhom li l-futur tagħhom bħala miżżewġin Insara hu futur sabiħ. Monsinjur Cremona qal li l-opinjoni pubblika ħafna drabi tipproġetta t-tifrik tal-familja u dan iwassal biex jaqta’ qalb ħafna li jiżżewġu. Stqarr iżda li l-fidi tagħna timlina bil-kurraġġ u t-tama, u toffrilna mod kif ngħixu biex il-familji jibqgħu magħqudin. Stqarr li huwa konxju mill-fatt li r-rata tat-tifrik tal-familji żdidet f’Malta wkoll minħabba raġunijiet ekonomiċi u soċjali. Minkejja dan, l-Arċisqof qal li l-maġġoranza tal-familji Maltin għadhom sbieħ u b’saħħithom u dan għax ħafna minnhom jgħixu s-sagrament taż–żwieġ.
L-Arċisqof temm jgħid li l-valuri li joħorġu mis-sagrament taż–żwieġ jiswew biex tinbena familja soda u dejjiema.
Agħfas fuq ir-ritratt biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]
Jekk kont preżenti għal din l-attivita’, ħalli l-kummenti tiegħek.