Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta
7 ta’ Ġunju 2015
I would like to welcome our English speaking visitors to this most solemn Eucharist on the solemnity of the Body and Blood of our Lord Jesus Christ.
Nixtieq noffri ftit riflessjonijiet qosra f’din is-sena ispirata mill-Vanġelu ta’ San Mark, dwar dak li tissuġerilna l-kelma t’Alla li għadna kemm smajna. Nibda mis-salm responsorjali, li huwa s-salm 115, “xi nrodd lill-Mulej għall-ġid kollu li għamel miegħi? Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni u isem il-Mulej insejjaħ”.
Illum qegħdin intennu dan is-salm b’sinifikat l-iżjed profond, u rrid ngħid ukoll kommoventi.
Ejjew niftakru l-aħħar versi tal-Vanġelu ta’ San Mark, kapitlu 14, li għadna kemm smajna. “Imbagħad kantaw is-salmi u ħarġu lejn l-għolja taż-żebbuġ”. Wieħed mill-ewwel salmi li kienu jkantaw il-Lhud fl-ikla tal-Għid kien proprju dan is-salm, u għalhekk qed jiġu propost llum fil-liturġija biex niftakru mhux biss il-ġest tal-kalċi li għamel il-Mulej waqt l-ikla tal-Għid, imma wkoll is-salm li hu kanta mal-ħbieb tiegħu: “Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni u isem il-Mulej insejjah”. Mument kommoventi f’dan is-salm huwa s-sekwenza tiegħu: “għażiża f’għajnejn il-Mulej hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu. Jien qaddej tiegħek, bin il-qaddejja tiegħek. Int ħallejtli l-irbit tiegħi”. Il-Mulej Ġesù, hu u jkanta dan is-salm ftit siegħat qabel kellu jiġi ttorturat bl-iżjed mod aħrax u maqtul bl-iżjed mod infami fuq is-salib tal-agħar kriminali, fakkar lilu nnifsu li “għażiża f’għajnejn il-Mulej hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu”. Hu li kien il-qaddej tal-Mulej kien qed jittama li l-Missier iħollu mill-irbit tal-mewt.
Fl-ikla tal-Għid, il-Lhud jixorbu mill-kalċi tal-inbid erba’ darbiet. L-Ewkaristija twaqqfet mat-tielet kalċi. Ir-raba’ kalċi kien itemm l-ikla tal-Għid imma l-Mulej irrifjuta li jixrob ir-raba’ kalċi. “Tassew ngħidilkom li ma nixrobx iżjed mill-frott tad-dielja sa’ dakinhar li nixrob inbid ġdid fis-saltna t’Alla” (Mk 14, 25). Hu jagħti lilu nnifsu bil-ġisem u d-demm tiegħu mat-tielet kalċi fl-ikla tal-Għid, jirrifjuta li jikkonkludiha, għax l-ikla tal-Għid dakinhar kellha tkompli. Wara li kantaw is-salmi ma xorbux ir-raba’ kalċi imma ħarġu lejn il-Għolja taż-Żebbuġ. Hemmhekk, Ġesù jgħid lill-Missier: “jekk jista’ jkun, begħdu minni dan il-kalċi” (Mk 14,36), il-kalċi tas-sofferenza, tal-ubbidjenza, imma l-Mulej jagħżel li ‘jixorbu’. Hu jixrob l-inbid fuq is-salib, hemmhekk jixrob l-inbid tar-raba’ kalċi. “Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni u isem il-Mulej insejjaħ”.
Din is-sena, aħna niċċelebraw il-kalċi qaddis tad-demm tal-Mulej: “dan huwa Demmi, id-Demm tal-Patt li jixxerred għal ħafna” (Mk 14, 24). U għalhekk l-Ewwel Qari (Eż 24,3-8) jagħmel ħafna sens għax ifakkarna fil-Patt tar-Rabta l-Qadima li ġie mitmum u ssiġġilat bit-tixrid tad-demm. “Mosé ħa nofs id-demm u qiegħdu fi bwieqi, u xerred in-nofs l-ieħor fuq l-artal” fuq il-Mulej, għax il-Mulej kontroparti ta’ dan il-patt, ta’ din l-alleanza. “Imbagħad ħa l-ktieb tal-Patt u qara’ minnu hekk li sata’ jisimgħu l-poplu. U huma qalu: ‘Kull ma qalilna l-Mulej nagħmluh u nisimgħu minnu’. Mosé imbagħad ħa d-demm u hu u jroxxu fuq il-poplu qal: ‘Hawn hu d-demm tal-Patt li l-Mulej għamel magħkom skont dan il-kliem'”. Mela d-demm li roxx fuq l-artal jindika li Alla se jidħol f’Patt. Id-demm li raxx fuq il-poplu hija l-aċċettazjoni tal-Patt lill-poplu, id-demm li huwa rikonċiljazzjoni u komunjoni. Għalhekk Ġesù, meta jniedi l-Patt il-ġdid jgħidilhom: “dan huwa demmi, id-demm tal-Patt tad-demm li jinxtered għal ħafna”.
Illum għalhekk niċċelebraw l-Ewkaristija fil-kalċi tad-Demm tal-Mulej bħala s-sinjal ta’ rikonċiljazzjoni tagħna ma’ Alla u bejnietna, u tal-komunjoni tagħna ma’ Alla u bejnietna. Dan huwa d-Demm ta’ Ġesù. Illum fil-liturġija ispirata minn San Mark u kkonfermata wkoll mit-Tieni Qari mill-Ittra lil Lhud (Lhud 9,11-15), nifhmu għaliex l-ikla tal-Għid issir sagrifiċċju, għax il-Mulej dakinhar tal-ikla li ċċelebra mad-dixxipli tiegħu, ried itemm ir-raba’ kalċi fuq is-salib fejn offra lilu nnifsu bħala l-ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja. Ġesù, dak li “daħal fis-santwarju mhux bid-demm tal-għoġiela jew tal-gniedes imma bis-saħħa ta’ demmu stess” tgħid l-Ittra lil-Lhud, “u hekk kiseb fidwa għal dejjem”. “Id-Demm ta’ Kristu, li bl-ispirtu ta’ dejjem offra lilu nnifsu vittma safja lil Alla, inaddaf il-kuxjenza tagħna mill-għemil mejjet”.
Ejjew nirringrazzjaw lill-Mulej tal-offerta tad-Demm tiegħu. Aħna maħsulin bid-demm tiegħu mhux bħala saħta, imma bħala fidwa. Aħna maħsulin bid-Demm tiegħu għax dħalna f’Patt miegħu, Patt ta’ ħniena, Patt ta’ sliem, Patt ta’ rikonċiljazzjoni. Aħna maħsula bid-demm tiegħu għax aħna aħwa tiegħu, ulied adottovi tal-Missier. “Faħħar, Sijon, lil Feddej, ir-ragħaj tiegħek u l-mexxej, bl-innijiet u l-għana”. “Lauda Sion salvatorem, lauda ducem et pastorem, in hymnis et canticus”.
✝ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta