L-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. wera l-apprezzament tiegħu għad-dedikazzjoni tal-ommijiet Maltin waqt messaġġ bit-telefon f’ attività organizzata għall-ommijiet tas-saċerdoti, reliġjużi u lajċi Maltin li jaħdmu barra minn Malta.
Din it-telefonata saret nhar l-Erbgħa 9 ta’ Mejju 2012, hekk kif l-Arċisqof kien qiegħed San Francisco biex iżur lill-emigranti Maltin bħala parti miż-żjara pastorali li qed jagħmel fl-Amerika Ċentrali. Fil-messaġġ tiegħu l-Arċisqof sellem lill-ommijiet tal-missjunarji u qal li huwa japprezza l-ħidma li jwettqu uliedhom u qrabathom. B’referenza għaż-żjara li qed jagħmel bħalissa fl-Amerika Ċentrali, l-Arċisqof qal li kienu l-istess missjunarji li ħadu ħsieb l-emigranti Maltin u mexxew tant missjonijiet f’artijiet imbegħda.
It-telefonata tal-Arċisqof saret waqt attività organizzata mis-Segretarjat għas-Saċerdoti, Reliġjużi u Lajċi Maltin li jaħdmu barra mid-Djoċesi, f’Dar l-Emigrant, il-Belt Valletta. Għal din l-attività Monsinjur Anton Gouder, Pro-Vigarju Ġenerali, kien mistieden jiċċelebra Quddiesa u jiltaqa’ mal-ommijiet u l-missirijiet tas-saċerdoti, reliġjużi u lajċi Maltin, fl-okkażjoni ta’ Jum l-Omm.