Il-Ħamis, 14 ta’ Lulju, 2011, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. iltaqa mal-missjunarji Maltin f’Dar l-Emigrant fil-Belt Valletta. Dawk preżenti kienu milqugħa minn Mons. Philip Calleja. Preżenti wkoll kien l-Isqof elett Fr. Emanuel Barbara u Mons. Arċisqof Joseph Spiteri, Nunzju Appostoliku fis-Sri Lanka. In-numru ta’ dawk preżenti kien ta’ 23 li jvarjaw bejn qassisin, reliġjużi u lajċi, fejn ilkoll setgħu jaqsmu l-esperjenzi missjunarji tagħhom; esperjenzi bħal dawn ivarjaw bejn dawk li jwettqu ħidma f’Seminarji, dawk li jwettqu ħidma ma persuni bi bżonnijiet speċjali, u oħrajn li l-involviment tagħhom hu dak li jtejjbu programmi umanitarji. Il-ħidma ta’ dawn il-missjunarji hi mifruxa f’pajjiżi bħal: Brazil, Canada, Cuba, India, Ġerusalemm, Kenya, Pakistan, Peru, Pharaoh Islands, u Sri Lanka.
L-Arċisqof enfasiżża żewġ aspetti li permezz tagħhom l-Appostli eżerċitaw il-ministeru afdat lilhom: huma imxew fuq l-aħħar kelmiet ta’ Kristu fejn ordnalhom “morru u għallmu lill-ġnus kollha”; it-tieni, kif dawn il-missjunarji jeżerċitaw dan il-mandat fid-diversi aspetti tiegħu. Dan kollu jirrifletti il-missjoni Universali tal-Knisja Kattolika u l-ġenerożita li l-Knisja f’Malta dejjem uriet.
L-Arċisqof irringrazzja lil dawk li jwettqu ħidma f’dan il-ministeru.
Agħfas fuq ir-ritratt biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinkisbu mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]