“Il-ħidma pastorali maż-żgħażagħ m’għandiex tkun sempliċiment ħidma għalihom, iżda trid tkun ħidma flimkien magħhom”. (Dok. Sinodu Adolexxenti u Zghazagh Nru. 54). Is-Sinodu Djoċesan iħeġġeġ liż-żgħażagħ sabiex ikunu protagonisti fil-knisja, u fost affarijiet oħra jiftħilhom it-triq sabiex ikunu minn ta` quddiem biex jagħtu servizz lis-soċjeta` permezz tal-volontarjat.
Numru dejjem jikber ta’ żgħażagħ, membri ta` gruppi u għaqdiet tal-Knisja, qed jimpenjaw ruħhom fil-volontarjat matul ix-xhur tas-sajf. Ħafna minnhom jagħmlu esperjenza barra minn Malta, oħrajn jorganizzaw attivitajiet lokalment u jagħtu servizz kemm liż-żgħar, f’dak li huma skejjel tas-sajf, kif ukoll lill-anzjani.
Il-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ (KDZ) trid li dan is-servizz jingħata għarfien akbar, kemm mill-Knisja kif ukoll mis-soċjeta` ċivili. Bħala parti mill-inizjattivi tal-Kummissjoni biex jintlaħaq dan il-għan, illum, it-Tnejn, 21 ta’ Ġunju, 2010, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. se jiltaqa` ma dawk iż-żgħażagħ li se joffru servizz ta’ volontarjat matul is-sajf, biex juri l-apprezzament tiegħu għall-impenn tagħhom u jgħatihom il-mandat għas-servizz li se joffru f’isem il-Knisja. Din il-laqgħa se ssir fil-kappella tac-Chaplaincy tal-Universita`, fis-7:00 p.m. Il-grupp Għaqda Volontarja Lourdes (AVL) ġew kummissjonati mill-KDZ biex iħejju din il-laqgħa li matulha ż-żgħażagħ preżenti se jingħataw tifkira ċkejkna biex jġorruha magħhom kull fejn jgħatu servizz.