L-Arċisqof Pawlu Cremona ltaqa’ ma’ delegazzjoni tal-Forum ta’ Organizzazzjonijiet li Jipprovdu Servizzi Residenzjali lill-Persuni b’Diżabilita. L-għan ewlieni ta’ din il-laqgħa kienet li l-Forum jintroduċi ruħu mal-mexxejja tal-pajjiż inkluż dawk spritiwali. Il-Forum li issa ilu mwaqqaf għal madwar sena u nofs hu ffurmat minn sitt organizzazzjonijiet li f’pajjiżna jipprovdu servizzi residenzjali lill-persuni b’diżabilita. Dawn huma: Dar Pirotta, id-Dar tal-Providenza, il-Fondazzjoni Arka, il-Fondazzjoni Nazareth, il-Fondazzjoni Respite u l-Fondazzjoni Wens.
Is-sur Fred Bezzina, ċermen tal-Forum, spjega l-għanijiet tal-Forum lill-Arċisqof. Dawn huma li l-organizzazzjonijiet membri jaħdmu flimkien biex:
(i) Jassiguraw li l-persuni b’diżabilita u l-familji tagħhom jgawdu mill-ogħla kwalita ta’ ħajja possibbli;
(ii) Jassiguraw li jipprovdu servizzi tal-ogħla kwalita possibbli;
(iii) Jassiguraw li jagħmlu l-aħjar użu tar-riżorsi tagħhom inkluż fondi mill-Unjoni Ewropea.
Dawn l-organizzazzjonijiet jipprovdu servizzi residenzjali fuq bażi permanenti lill-aktar minn 150 persuna b’diżabilita u servizzi residenzjali fuq bażi temporanju, jiġifieri respite, lil numru ferm akbar.
L-Arċisqof faħħar din l-inizjattiva biex ikun hemm aktar koordinament u wiegħed is-sapport sħiħ tiegħu lill-Forum u lill-ħidma li ssir favur il-persuni b’diżabilita u l-familji tagħhom. Il-Knisja kienet pijoniera f’dan il-qasam tant li erba’ mis-sitt organizzazzjonijiet tal-Forum għandhom għeruq kbar fil-Knisja.
Fid-delegazzjoni kien hemm ukoll preżenti s-Sur Joe Gerada, Segretarju, u Fr Charles Abela, Fr Michael Galea u s-sur Joe Cremona membri tal-Forum.