Bħala parti minn sensiela ta’ laqgħat li l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. qiegħed jagħmel ma’ katergoriji differenti ta’ lajċi, nhar it-Tlieta 1 ta’ Frar, 2011, huwa ltaqgħa ma’ madwar 90 speċjalista, tobba u nfermiera li jaħdmu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei u magħhom iddiskuta diversi materji relatati mal-kura li għandhom jirċievu pazjenti b’mard serju u dawk li jkunu qegħdin f’tarf ħajjithom.
Għal din il-laqgħa, organizzata mis-Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, bl-għajnuna ta’ Dr Joe Zarb Adami, li jmexxi l-ITU tal-isptar, kien preżenti l-Ministru tas-Saħha, Dr Joe Cassar, flimkien ma’ diversi uffiċjali oħra fosthom id-Direttur Ġenerali tal-Isptarijiet, Dr John Cachia, il-Kap Ezekuttiv tal-Isptar Mater Dei, Ms Marion Rizzo, u l-Kappillan tal-Isptar, Patri Bernard Mangion OFM Cap.
Matul id-diskussjoni, li fiha ħa sehem ukoll id-Dekan tal-Fakultà tat-Teoloġija, il-Professur Emmanuel Agius, tqajjmu diversi punti ta’ natura etika, morali u anke spiritwali, relatati mhux biss ma’ pazjenti b’mard terminali u oħrajn li jkunu jeħtieġu trapjanti ta’ organi, iżda wkoll mal-qraba ta’ dawn il-pazjenti.
L-Arċisqof saħaq li bħal f’kull mard ieħor, imma speċjalment f’każijiet kritiċi għandna dejjem inżommu quddiem għajnejna d-dinjità ta’ kull bniedem, hu min hu, u hu ta’ liema età hu. Fakkar ukoll kif anke l-istess Ġesù Kristu wera x-xewqa li huwa wkoll jeħles mit-tbatija u l-mewt, imma fl-aħħar ikkundizjona din ix-xewqa għar-rieda tal-Missier Etern.
Fi tmiem il-laqgħa, l-Arċisqof kompla jitkellem ma’ bosta minn dawk preżenti.
Agħfas fuq ir-ritratt biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]