L-Arċisqof Charles Scicluna laqa’ lill-Ministru Carmelo Abela u lill-membri tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD biex jiddiskutu l-effett tal-pandemija f’Malta.
Il-laqgħa informali, li saret il-Ħamis, 19 ta’ Novembru fil-Kurja tal-Arċisqof il-Furjana, serviet biex l-Arċisqof jisma’ mingħand l-imsieħba soċjali l-isfidi li qed jiltaqgħu magħhom waqt il-pandemija. Filwaqt li rrikonoxxa l-għajnuna li l-Istat qiegħed joffri biex jassisti lill-ħaddiema, Mons. Arċisqof semma d-diffikultajiet li l-familji qed jiltaqgħu magħhom ta’ kuljum f’din il-kriżi.
Din il-laqgħa serviet ukoll biex l-Arċisqof ifakkar li min iħaddem għandu dejjem joffri xogħol ta’ dinjità lill-ħaddiema, u li l-ħaddiema għandhom ukoll responsabbiltajiet lejn min iħaddem. L-Arċisqof appella biex flimkien naħdmu għall-ġid komuni u nwarrbu d-differenzi ta’ bejnietna.