• L-Arċisqof Charles J. Scicluna llum ser iħalli Malta għal Ruma biex nhar it-Tnejn li ġej, Solennità tal-Appostli San Pietru u San Pawl, jirċievi l-pallium mingħand il-Papa Franġisku. Il-pallium ser jingħata privatament lill-Arċisqof flimkien ma’ Arċisqfijiet oħra minn madwar id-dinja, qabel Quddiesa kkonċelebrata mmexxija mill-Papa Franġisku, fil-Bażilika ta’ San Pietru, fil-Vatikan.
      Il-pallium jintlibes mill-Arċisqfijiet bħala simbolu tal-komunjoni tagħhom mas-Suċċessur ta’ San Pietru fit-tmexxija tal-Poplu ta’ Alla. Il-pallium huwa magħmul mis-suf tan-nagħaġ, bħala simbolu ta’ Ġesù Kristu, il-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja u r-Ragħaj it-Tajjeb li jgħasses dejjem fuq il-merħla għażiża tiegħu. Il-pallium ifakkar lill-Isqfijiet, bħala Vigarji ta’ Kristu fil-Knejjes lokali tagħhom, li huma għandhom is-sejħa li jkunu rgħajja skont il-Qalb ta’ Ġesù. Il-pallium hu faxxa wiesgħa xi ħames ċentimetri, magħmula minn suf fin ħafna, li jintlibes fuq l-ispallejn madwar l-għonq.
  • Ikollu wkoll żewġ pendenti, twal xi tletin ċentimetru, wieħed fuq quddiem u l-ieħor fuq wara. Dawn iż-żewġ pendenti jżommu stirati ‘l isfel b’biċċtejn pjanċi taċ-ċomb li jkunu miksijin b’ħarir iswed. Fuq il-pallium hemm irrakkmati sitt slaleb suwed – wieħed quddiem, ieħor fuq wara, wieħed fuq in-naħa tal-ispalla tal-lemin u ieħor fuq tax-xellug, u salib fuq kull pendent. Is-salib ta’ quddiem, ta’ wara u tal-ispalla tax-xellug ikollhom żewġ ħoloq mill-istess ħajt, biex iżommu tliet labriet li jissejħu spinulae.
     
    Fil-bidu ta’ din is-sena, ir-rit tal-għoti tal-pallium inbidel u skont ix-xewqa tal-Papa Franġisku ser jibda jitlibbes pubblikament lill-Arċisqof fid-Djoċesi tiegħu. Il-bidliet saru bil-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-Knisja tal-post f’ċerimonja importanti fil-ħajja u fl-istorja tal-Knisja lokali, u li turi l-importanza tal-komunjoni bejn is-Suċċessur ta’ Pietru u l-Isqfijiet.
     
    Il-Knisja f’Malta ser torganizza Quddiesa Pontifikali li matulha n-Nunzju Appostoliku l-ġdid, l-E.T. Mons. Mario Roberto Cassari, ilibbes il-pallium lill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Id-dettalji dwar din il-quddiesa ser jitħabbru aktar ‘l quddiem.