• Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Knisja Parrokkjali, in-Naxxar

    21 ta’ Mejju 2017

    Hemm wegħda li Ġesù jagħmlilna llum li ta’ min naħsbu fuqha: “Inħobbu u nurih lili nnifsi” (Ġw 14, 21). Lil min jagħmilha din il-wegħda? Jagħmilha lil min  jipprova, minkejja d-dgħufija tiegħu, iżomm il-kmandamenti tiegħu. “Minn iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni; u min iħobb lili, iħobbu wkoll il-Missier, u jien wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi” (v. 21).

    Mhux qed jitkellem fuq id-dehriet, mumenti rari fl-istorja tagħna bħala l-poplu t’Alla. Il-Mulej jagħti lil xi wħud minna li jkollhom dehra tal-wiċċ tiegħu, jew tal-Verġni Mbierka. Ftit tal-jiem ilu fakkarna l-mitt sena minn meta tliet ragħajja ċkejknin ġewwa Fatima kellhom laqgħa speċjali ma’ Sidtna Marija. Setgħu jarawha bl-għajnejn tal-Ispirtu. Huma kienu qegħdin jarawha imma l-folol madwarhom ma kinux qed jaraw lill-Madonna.

    Ġesù mhux qed jitkellem fuq din it-tip ta’ perċezzjoni, ta’ viżjoni. Qed jitkellem pjuttost fuq il-grazzja li aħna niltaqgħu miegħu ta’ kuljum, u juża’ kelma importanti ħafna. Innutaw kemm-il darba f’din il-wegħda li għamlilna, jitkellem dwar l-imħabba. “Dak hu li jħobbni, iħobbu l-Missier, jiena wkoll inħobbu”.

    Hu jitlob minna xi ħaġa li għalina, ħafna drabi, tkun diffiċli: li nżommu u nħarsu l-kmandamenti tiegħu. Imma, naħseb, il-ħaġa ssir inqas diffiċli jekk niftakru fil-kliem tiegħu fl-istess Evanġelju ta’ San Ġwann, meta jgħidilna li l-kmandament tiegħu, dak li jiġbor kollox, huwa l-imħabba: “Dan hu l-kmandament tiegħi li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien” (Ġw 15, 12). U dan hu l-eżami tal-kuxjenza li rridu nagħmlu aħna l-Insara fi tmiem il-jum. F’din il-ġurnata li għaddiet, jien ħabbejt kif ħabbna Ġesù?

    Fil-bidu ta’ din il-quddiesa, il-Knisja, f’isimna għamlet talba sabiħa u profonda. Aħna tlabna biex fil-ħajja tagħna nagħtu xhieda sabiħa tal-misteru tal-Għid li ċċelebrajna (ara Kolletta). Iċċelebrajna b’devozzjoni kbira, Ħamis ix-Xirka: il-kmandament tal-imħabba. Iċċelebrajna b’devozzjoni profonda, il-Ġimgħa l-Kbira: il-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù. Bkejna ma’ Marija Addolorata, u fraħna f’Ħadd il-Għid. Dan il-misteru kbir tal-Għid, irid jidher fil-ħajja tagħna u hemm kelma li tiġbor kollox: l-imħabba.

    Il-Mulej qiegħed iwegħedna difensur biex jibqa’ magħna dejjem. Id-difensur, l-ispirtu qaddis tiegħu, huwa s-sinjal qawwi tal-preżenza ta’ Ġesù fostna u magħna. Ġesù jsejjaħlu “l-ispirtu tal-verità” u jgħid li “d-dinja”, imħassra mid-dnub, “ma tistax tirċevih, għax hi la tarah u lanqas tagħrfu”. Id-dinja bil-vanaglorja tagħha, bil-gideb tagħha, ma tistax tilqa’ “l-ispirtu tal-verità”, imma “intom” jgħidilna, “tagħrfuh, jgħammar magħkom, huwa fikom” (Ġw 14, 17). 

    L-ispirtu ta’ Ġesù huwa l-preżenza tiegħu magħna u għalhekk jgħidilna: “ma nħallikomx iltiema” (v. 18). Kultant f’ħajjitna nħossuna abbandunati minn kulħadd. Kultant ħajjitna l-ikbar toqol ikun is-solitudni, anke meta tkun żagħżugħ, mhux biss fl-età iżjed matura. Illum ta’ min nirriflettu li l-Mulej huwa preżenti magħna, jixtieqna narawh u nagħrfuh permezz tal-imħabba tiegħu għalina. Qed jgħidilna biex nagħżlu t-triq tal-imħabba u kif nilqgħu t-triq tal-imħabba li mhix irħisa imma għandha prezz għoli. Aħna nibdew narawh, nagħrfuh, nilqgħuh u ngħixu fil-preżenza tiegħu.

    Jalla din il-barka u din il-wegħda li qed jagħtina, aħna nilqgħuha bħala wliedu. “Jekk tħobbuni, tħarsu l-kmandamenti tiegħi. Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni, u min iħobb lili, iħobbu wkoll il-Missier, u jiena wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi” (v. 21).

     Charles J. Scicluna     
         
    Arċisqof ta’ Malta

  • Agħfas hawn biex tara r-ritratti tal-viżta pastorali fin-Naxxar.

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja