L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Fost l-affarijiet li jolqtuni kull meta naqra din is-silta minn kapitlu 6 mill-Evanġelju ta’ San Mark, huwa l-atteġġjament ta’ Ġesù u kemm jieħu ħsieb id-dixxipli tiegħu. Wara li bagħthom jipprietkaw u jfejqu, jirritornaw u jirrakkuntawlu x’għamlu u x’għallmu, u jissuġġerilhom li jieqfu ftit għall-mistrieħ. Il-qalb ta’ Ġesù hija qalb li tħoss għal dak li jkun, li tifhem il-bżonnijiet u tagħti risposta għall-bżonnijiet ta’ dak li jkun. Forsi tajjeb li nitgħallmu minnu kif għandna nieħdu ħsieb xulxin. “Tant kien hemm nies ġejjin u sejrin, li lanqas żmien biex jieklu ma kienu jħallulhom” (Mk 6:31) jgħid San Mark. Imma Ġesù jinsisti li fost dik l-attività kollha, hemm bżonn ukoll lid-dixxipli jieqfu u jistrieħu.
Kultant inħossuna guilty li nieqfu nistrieħu ftit. Tant ikunu drajna għaddejjin minn ħaġa għal oħra forsi minnħabba raġunijiet ekonomiċi. Tant tidħol f’ingranaġġ ta’ xogħol, li meta tieqaf ftit, qisek tħossok mhux komdu. Mentri l-Mulej, forsi llum qed jagħmlilna kuraġġ, u jgħallimna li l-mistrieħ huwa neċċessarju u importanti. Mhux qed ngħid li qed jgħidilna nesaġeraw, imma l-mistrieħ huwa importatni. L-iżvilupp tal-liġijiet dwar ix-xogħol, dejjem taw valur għall-mistrieħ tal-ħaddiema. Ma kinitx dejjem hekk. Aħna nqisu l-iżvilupp, fir-rispett lejn il-ħaddiem, li l-ħaddiem ikun ħaddem, u ta l-parti tiegħu, ikollu u għandu dritt għall-mistrieħ tiegħu. Qed niftakar f’dawk li jridu jaħdmu u mbagħad iridu jieħdu ħsieb il-familja, b’mod speċjali l-ommijiet, li ħafna drabi huma l-aħħar li jieqfu ftit biex ikollhom il-mistrieħ. Tajjeb li nieħdu ħsieb xulxin u niddedikaw l-enerġija biex nagħtu ċ-ċans, li kulħadd ikollu l-mistrieħ tiegħu.
Ġesù jagħtina kelma li hi attwali ħafna: il-ħtieġa li nkunu weħidna u forsi ninqatgħu wkoll mid-dinja tal-midja soċjali. Xi tfisser li tinqata’ waħdek f’xi post imwarrab? Aħna llum, tant drajna li nkunu dejjem connected li jekk tkun f’post fejn m’għandekx reception tkun qisek b’ras maqtugħa. Mentri forsi l-Mulej qed jissuġġerilna, li kultant, tajjeb ukoll li dak il-mobile nħalluh xi mkien għal kwiet biex jistrieħ hu u nistrieħu aħna. Kultant ninnota li meta nkun f’xi grupp, kulħadd ikun medhi jara xi ħaġa fuq il-midja soċjali; m’għandniex ċans niltaqgħu bejnietna, avolja fl-istess kamra jew madwar l-istess mejda tal-ikel. Innutaw pereżempju meta nkunu ġo restaurant qisu m’għandniex il-kuraġġ ngħidu ħa nwarrbu ftit il-mobile. Le, anzi, nibagħtu l-messaġġi lil xulxin fuq l-istess mejda. Il-mistrieħ ifisser ukoll dak li bl-Ingliż ngħidulu quality time. Din mhux qed ngħidha biss għall-miżżewġin imma għal kull wieħed u kull waħda minna. Nistaqsi, qed nagħtu ħin ta’ kwalità lill-persuni li tassew huma importanti f’ħajjitna?
It-tieni atteġġjament ta’ Ġesù li jimpressjonani ħafna hu meta Ġesù prova jitwarrab iżda n-nies sabuh xorta waħda u ltaqa’ magħhom. Hawnhekk l-Evanġelju juża din l-espressjoni qawwija: “Ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom” (Mk 6:34). Dan il-moviment tal-qalb ta’ Ġesù huwa moviment ta’ ħniena, ta’ mħabba, ta’ mogħdrija u ta’ kompassjoni. “Għax kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj” (Mk 6:34). Imma x’għamel Ġesù meta ra dan il-poplu? Ġesù qam! L-Evanġelju jgħidilna: “qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ” (Mk 6:34).
Ġesù jirrispondi għall-għatx tagħna mhux billi jgħidilna x’għandna nagħmlu imma billi jagħtina triq li fuqha nimxu. It-tagħlim dak hu, mhux se nobbligak tagħmel xi ħaġa imma se nurik it-triq u l-għażla f’idejk. Min jgħallem qed jagħtik il-kapaċità taħseb u tagħżel. Kemm hi ħaġa sabiħa li Ġesù, waqt li qed jieħu ħsiebna, qed jirrispetta l-libertà tagħna.
L-aħħar ħsieb tiegħi jorbot ħafna mal-għażla tal-ewwel qari u s-salm dwar il-wegħda li l-Mulej jagħmel permezz tal-Profeta Ġeremija: “Inqiegħed fuqhom ragħajja li jirgħuhom” (Ġer 23:4). Ragħajja li jieħdu ħsiebhom. Fid-dawl ta’ din il-profezija nitolbu lil Alla li fuq kull livell tas-soċjetà, inkluż fil-Knisja, jieħu ħsieb ir-ragħajja tagħna. It-titlu ta’ ragħaj ma kiex biss għas-saċerdot, anzi, l-ewwel titlu ta’ ragħaj, fl-istorja tal-poplu Lhudi, kien għar-re. Allura, il-mudell tar-ragħaj hu l-mudell ta’ leadership. Ġesù mbagħad jużah għalih innifsu u jgħidilna li hu r-Ragħaj it-Tajjeb li jsir ragħaj billi jgħallem lill-merħla. Aħna rridu nitolbu li t-tmexxija fis-soċjetà tagħna u fil-Knisja tkun ta’ din il-kwalità; dak li bl-Ingliż jgħidulu ‘a caring leadership’, bħalma hawn hawnhekk fid-Dar tal-Providenza.
Nixtieq nirringrazzja lil Alla ta’ kemm id-Dar tal-Providenza kienet minn dejjem imbierka b’nies li tassew ħolqu ambjent ta’ għożża, ta’ akkoljenza, ta’ kura u ta’ solidarjetà. Għax jekk nieħdu ħsieb xulxin inkunu tassew nistgħu nħossu l-Mulej jieħu ħsiebna permezz ta’ sħabna, ta’ min iħobbna; u nkunu nistgħu mas-Salm ngħidu: “Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni” (Salm 23:1).
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġer 23:1-6
Salm: 22 (23):1-3a,3b-4,5,6
Qari II: Efes 2:13-18
L-Evanġelju: Mk 6:30-34