L-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. ser jistitwixxi tliet seminaristi fil-ministeru tal-Akkolitat waqt ċelebrazzjoni li ser issir nhar il-Ġimgħa, 29 ta’ Novembru 2013, fis-6:30 p.m., fil-Knisja Parrokkjali ta’ Stella Maris, tas-Sliema.
It-tliet seminaristi, li jinsabu fis-sitt sena tal-formazzjoni tagħhom fis-Seminarju tal-Arċisqof, huma: Carlo Calleja mill-Parroċċa ta’ Stella Maris, tas-Sliema, Christopher Ellul, mill-Parroċċa ta’ Kristu Re, Raħal Ġdid, u Mark J. Zammit, mill-Parroċċa ta’ Marija Annunzjata, Ħal-Tarxien.
L-għoti tal-Ministeru tal-Akkolitat jimmarka pass ieħor importanti fil-mixja ta’ dawn iż-żgħażagħ lejn is-saċerdozju. Bħala akkoliti huma se jingħatalhom l-uffiċċju li jgħinu lis-saċerdot u lid-djakni fil-qadi tal-ministeru tagħhom waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, iqarbnu lil ħuthom Insara, fosthom ukoll lill-morda, jitħeġġu fl-imħabba personali tagħhom lejn l-Ewkaristija, u fuq kollox jgħixu b’mod li jkun jixirqilhom iservu fil-mejda tal-Mulej u tal-Knisja.
Il-Komunità tas-Seminarju tħeġġeġ lil kulħadd jitlob biex il-Mulej jkompli jbierek lil dawn is-seminaristi u biex iktar żgħażagħ iwieġbu għas-sejħa tal-Mulej billi jimxu warajh fil-ħajja saċerdotali u reliġjuża.