-
-
Nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Novembru 2015, l-Arċisqof Charles J. Scicluna istitwixxa tliet seminaristi fil-ministeru tal-akkolitat, waqt ċelebrazzjoni li saret fil-Knisja Arċipretali ta’ San Filep t’Aġġira, Ħaż-Żebbuġ.
It-tliet seminaristi huma Sinclair Bugeja mill‑Parroċċa tal-Familja Mqaddsa, L-Iklin, Ryan Lee Pace mill-Parroċċa tal-Madonna tal-Karmnu, Il-Gżira, u Mark Spiteri mill‑Parroċċa ta’ San Filep t’Aġġira, Ħaż-Żebbuġ.
Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Knisja Parrokkjali ta’ Ħaż-Żebbuġ
13 ta’ Novembru 2015
Għeżież Mark, Ryan, Sinclair, jien l-ewwelnett nifraħ magħkom, mal-familji tagħkom, mal-parroċċi li minnhom ġejjin, f’dan il-mument għażiż għalikom meta l-Knisja uffiċjalment qed tistitwikom akkoliti u titlobkom tgħinu fil-preparazzjoni tal-artal u meta jkun hemm bżonn ukoll, fit-tqassim tal-Ewkaristija.
Il-kelma ta’ Alla li smajna, b’mod speċjali fil-Vanġelu (Lq 17, 26-37), hija kelma t’Alla li tippreparana għat-tmiem tas-sena liturġika. F’dan l-istaġun niftakru wkoll fi tmiem tal-ħolqien kif nafuh. Il-Mulej Ġesù jitkellem dwar id-diżastri naturali, anke dawk li jiffurmaw parti mill-istorja tas-salvazzjoni u mill-istorja tal-poplu t’Alla, bħala sinjali tat-tmiem. Kultant il-vjolenza tan-natura fil-ħolqien tfakkarna li aħna wkoll ħlejjaq. Il-bniedem jaf jorganizza kollox, imma hemm forzi tan-natura li jfakkruh li huwa ħlejqa u allura jiftakar ukoll fiċ-ċokon tiegħu, imma fl-istess ħin fid-dinjità tas-sejħa tiegħu.
Intom u tirċievu f’idejkom l-Ewkaristija biex tqassmuha lill-poplu, intom u tersqu qrib l-artal biex tippreparaw il-mejda tal-Ewkaristija, tinsew qatt li dan il-Ħobż tal-Anġli, dan il-Panis Angelicus huwa wkoll il-ħobż tal-pellegrini, panis viatorum. U allura rridu niftakru li aħna pellegrini, is-sema pajjiżna! Aħna qegħdin fuq vjaġġ li jwassalna flimkien għal destinazzjoni li hija l-ġenna. Ir-realtà tal-ħajja hija għażiża ħafna, imma aħna m’aħniex sidien, la ta’ ħajjitna u lanqas tar-realtà ta’ madwarna.
Il-Mulej, minkejja ċ-ċokon tagħna, jafda lilu nnifsu f’idejna. Xi ħaġa kbira! Aħna meta nħarsu lejn dan il-miraklu ta’ mħabba u ta’ ħniena, nirrealizzaw kemm m’aħniex denji ta’ din il-fiduċja. Imma mhux għal daqshekk naqtgħu qalbna, għaliex il-Mulej li qed jafda lilu nnifsu f’idejna qed jagħmel hekk biex jurina tassew kemm jafdana u kemm iħobbna.
Tinsewx li intom u tqassmu l-Ewkaristija, li hija frott l-azzjoni tal-Ispirtu u t-talba tal-Knisja, intom qegħdin tqassmu l-ikbar teżor. Intom qegħdin tiġu msejħa biex tersqu iżjed lejn dan il-misteru tad-dedikazzjoni totali li jressaqkom mill-qrib lejn is-salib tal-Mulej.
Il-Mulej jippurifikakhom, idawwal il-qalb tagħkom u r-ruħ tagħkom, biex intom u tkunu akkoliti, tifhmu qabel xejn li akkolitu tfisser xi ħadd li jsegwi, xi ħadd li jsegwi lil Ġesù. Skont l-għerq tal-kelma akkolitu, intom segwaċi, issegwu lil Ġesù, issegwu lil Ġesù fl-Ewkaristija imma anke fejn jinsab: fil-poplu tiegħu, fil-fqir, fil-batut. Intom u tgħixu l-ministeru ta’ akkoliti tinsewx li intom segwaċi tal-Mulej. U l-Mulej, hu u jistitwikom akkoliti permezz tal-Knisja, qed jgħidilkom: ‘Imxu warajja, segwuwni’. L-aħħar kelma li qal lill-appostlu Pietru: “Inti imxi warajja” (Ġw 21, 19). Din il-kelma li qed jagħtikom huwa u jistedinkom biex issegwuh preżenti fl-Ewkaristija Mqaddsa.
Jalla l-preżenza tagħkom, kull fejn tkunu, tkun bħal preżenza ta’ San Tarċisju li kien iwassal l-Ewkaristija lill-ħabsin. Kull fejn kien jgħaddi Tarċisju kien hemm l-Ewkaristija f’qalbu, jew inkella ma’ sidru. Jalla intom, bl-interċessjoni tiegħu, tifhmu li dan il-ministeru mhuwiex biss tarġa lejn l-ordinazzjonijiet, imma wkoll sejħa biex tapprofondixxu d-dimensjoni Ewkaristika tas-sejħa saċerdotali.
Jiena nixtieq niringrazzja lill-ġenituri tagħkom. It-tradizzjoni titlob li llum tqarbnuhom intom. Huma li tawkom ħajjitkom u kkoperaw ma’ Alla, illum, mingħandkom bħala akkoliti, jirċievu il-ħobż tal-ħajja. M’hemmx rigal ikbar li tistgħu tagħtuhom.
Jalla l-Ewkaristija tkun il-ferħ u l-hena ta’ ħajjitkom kollha, u ma jkollkom l-ebda faraġ ta’ din id-dinja u f’din id-dinja ħlief f’Ġesù fl-Ewkaristija.
✝ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
-
-
Ritratti: Martin Pillow