-
-
L-Arċisqof Charles J. Scicluna tkellem dwar il-viżjoni tiegħu għall-Knisja f’Malta waqt it-tieni jum tal-Assemblea Djocesana li saret is-Sibt 21 ta’ Novembru 2015, fil-Katekumenju, il-Mosta, fl-istess post fejn kien tlaqqa’ s-Sinodu Djoċesan.
L-Arċisqof qal li huwa jiġbor il-viżjoni tiegħu għall-Knisja fil-kelma ‘evanġelizzazzjoni’, u qal li hemm bżonn nevanġelizzaw bil-ferħ tagħna. L-ewwel pass tal-evanġelizzazzjoni qal, huwa li niltaqghu mal-Kelma ta’ Ġesù, u nhalluha tisfidana kuljum.
Spjega li meta nippreżentaw l-Evanġelu nindunaw li dan iċanfarna. “Minkejja dan, m’għandnix nibżgħu milli nxandru l-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù Kristu”, qal l-Arċisqof. Appella biex il-Knisja ma tibżax, u saħaq li ħadd ma jista’ jifridna mill-imħabba ta’ Ġesù.
Mons. Scicluna qal ukoll li fil-Knisja jagħraf diversi lingwaġġi u wera t-tama li fil-Knisja ħadd ma jippretendi li għandu monopolju ta’ lingwaġġ. “Ejjew niftħu l-qalb tagħna għal xulxin. Il-magħmudija tagħna ssejħilna biex inkunu fully-immersed f’Ġesù Kristu, u għalhekk l-kriterju tagħna jsir l-Evanġelu”, qal l-Arċisqof.
L-Arċisqof qal li huwa jrid Knisja vibranti u ferrieħa. “Irrid ukoll Knisja solidali fejn l-enerġiji u l-patrimonji tagħna jintużaw għall-ġid komuni, partikolarment fejn hemm l-iżjed bżonn, fejn hemm l-iktar faqar. Irrid Knisja umli u kuraġġuża, żagħżugħa u fl-istess ħin għarfa, u fuq kollox missjunarja”.
Fi tmiem l-Assemblea Djoċesana, Mons. Arċisqof ġie ppreżentat b’kurċifiss bħala rigal mill-Knisja f’Malta fil-bidu tal-missjoni tiegħu bħala Arċisqof ta’ Malta. Waqt il-preżentazzjoni ta’ dan ir-rigal, Mons. Joe Galea Curmi, Vigarju Ġenerali, qal lill-Arċisqof li l-kurċifiss jirrapreżenta l-ħidma u l-missjoni tal-episkopat tiegħu.
-
Ritratti: Photocity, Valletta.
www.photocitymalta.com