Il-Ħadd 4 ta’ Marzu 2012, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. xegħel il-Fjakkola Benedittina għall-Paċi waqt ċelebrazzjoni Ewkaristika li saret fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Mal-Arċisqof Cremona kkonċelebraw Mons. Pietro Vittorelli, Abbati tal-Monasteru ta’ Monte Cassino u Mons. Renato Boccardo, Arċisqof ta’ Spoleti, Norcia. Il-Quddiesa kienet animata mill-Kor Benedittin ta’ Monte Cassino. Fi tmiem iċ-ċelebrazzjoni, barra l-Konkatidral, saret preżentazzjoni medjevali tal-korteo storiku Terra Sancti Benedecti.
Fl-14 ta’ Marzu, l-Fjakkola Benedittina tittieħed il-Vatikan biex tiġi mbierka mill-Papa Benedittu XVI, biex imbagħad fl-20 ta’ Marzu titqiegħed fuq il-qabar ta’ San Benedittu fil-Monasteru ta’ Monte Cassino. Iċ-ċelebrazzjoni tal-Fjakkola Benedittina għall-Paci saret l-ewwel darba fl-1964 meta l-Papa Pawlu VI kien iddikjara lil San Benedittu bħala Patrun tal-Ewropa. Minn dakinhar baqgħet issir kull sena f’pajjiz differenti.
Agħfas fuq ir-ritratti biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]