Nhar il-Ġimgħa 25 ta’ Jannar 2013, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. ikkomunika man-nies fuq facebook bejn l-4.30pm u l-5:30pm fl-okkażjoni ta’ għeluq sninu. Din hija l-ewwel darba li l-Arċisqof ikkomunika direttament mal-membri tal-paġna facebook ‘The Church in Malta’ li issa fiha ‘il fuq minn 6,000 membru. Matul din is-siegħa l-Arċisqof rċieva madwar 300 kumment, bejn private messages u kummenti oħra fuq il-wall post tiegħu, u wieġeb għal numru minnhom, inkluż minn pajjiżi barra minn Malta. In-nies baqgħu jibagħtu l-awguri u l-mistoqsijiet tagħhom sal-għada.
L-Arċisqof kiteb l-ewwel messaġġ tiegħu fl-4.30pm: “Qed nieħu gost li għandi din l-opportunità li nitkellem magħkom permezz tal-facebook. Nibda biex nirringrazzja lil dawk li awgurawli f’għeluq snini u li wegħduni t-talb tagħhom. Jiena wiegħedt li nagħti ħajti għalikom bħala Isqof. + Pawlu”
Qabel ħalla l-istudju tar-residenza tiegħu ġewwa Ħ’Attard, l-Arċisqof temm din is-siegħa fuq facebook billi kiteb din il-post:
“Għeziez ħbieb, kienet esperjenza sabiħa għalkemm qasira. Nittama li ‘l quddiem ikolli iktar ċans li nuża dan il-mezz hekk effikaċi. Komplu xerrdu l-fidi tagħna f’Ġesù anke permezz ta’ faceboook. Il-Mulej ibierek lilkom u lill-familji tagħkom. Komplu itolbu għalija u jien nitlob għalikom. Jiena issa sejjer biex niċċelebra quddiesa fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Franġisk de Sales fejn niltaqa’ mal-ġurnalisti. +Pawlu”.
Agħfas fuq ir-ritratti biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]