-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Il-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta
9 ta’ Novembru 2018L-episodju li smajna fl-Evanġelju tal-lum (Ġw 2, 13-22) huwa tant importanti fil-ħajja ta’ Ġesù li nsibuh fl-erba’ evanġelji. Meta Ġesù daħal fit-tempju u ra ħafna kummerċ tant irrabja li qabad sawt u ħarbat kulma kien hemm. L-Evanġelu ta’ San Ġwann ipoġġi din ix-xena fil-bidu nett, fl-ewwel Għid li ċċelebra Ġesù fl-ewwel sena tal-ministeru tiegħu. Imma San Ġwann jgħaqqadha fil-konklużjoni ta’ dan ir-rakkont meta fit-tielet Għid, fl-aħħar wieħed, it-tempju ta’ ġismu jinħatt fil-flaġellazzjoni, fit-tortura, fit-tislib sal-mewt, u mbagħad iqum fit-tielet jum.
B’onestà u b’umiltà rridu nistaqsu lilna nfusna jekk aħniex inkejlu s-suċċess billi npoġġu prezz fuq kull ħaġa u kull persuna…
Il-Mulej qed jirreaġixxi għar-reliġjon li kienet saret kummerċ: “Dar Missieri tagħmluhiex dar tan-negozju!” (Ġw 2:16). It-tempju kien iċ-ċentru tas-soċjetà Lhudija. Fil-kuntest ta’ dak li kienet is-soċjetà Lhudija 2,000 sena ilu, huwa validu u nistgħu ngħidu li Ġesù ma kienx qed jilmenta biss dwar tempju bħala istituzzjoni reliġjuża imma wkoll dwar soċjetà li għaliha l-valur ta’ kollox jitkejjel bil-flus, kemm jekk hu oġġett u kemm jekk hi persuna. Bejna u bejn ruħna ta’ min naħsbu ftit fuq li kieku jkollu jiġi l-Mulej fostna llum jgħidx l-istess kliem. B’onestà u b’umiltà rridu nistaqsu lilna nfusna jekk aħniex inkejlu s-suċċess billi npoġġu prezz fuq kull ħaġa u kull persuna u jekk aħniex lesti nbiegħu kull ħaġa u kull persuna.
Ir-reazzjoni tal-Mulej nafuha. Hija reazzojni ta’ rabja u ta’ irritazzjoni għaliex id-dinjità tal-bniedem titlob iżjed minn hekk. Il-Papa Franġisku jitkellem ħafna drabi dwar il-‘kultura tal-iskart’, jiġifieri meta l-bniedem jew l-oġġetti huma utli biss għal ftit u mbagħad jintremew. Illum qegħdin hawnhekk biex ngħidu ‘grazzi’ lil Alla għad-don kbir li l-Knisja f’Malta—bħall-ħafna knejjes lokali fid-dinja—għandha fis-servizzi u fil-persuni u li aħna dan id-don insejħulu caritas, Caritas Malta.
Inkunu xhieda ta’ mħabbaIr-risposta tagħna l-Insara ma tistax tkun biss risposta tal-kliem. Ma nisnew qatt dak li kien jgħallem San Pawl VI meta f’Evangelii Nuntiandi qal: il-bnedmin tal-lum iżjed milli nies jitkellmu għandhom bżonn xhieda, u jekk lesti jisimgħu lil xi ħadd, jisimgħuh għax hu xħud, għax qabel jitkellem, jagħmel.
Quddiemi hawn żgħażagħ li għaddew mill-esperjenza tal-Caritas jew qegħdin fiha. Dawn jafu li la huma numru u wisq inqas prezz…
F’isem il-Knisja f’Malta nixtieq nirringrazzja lil Alla talli meta nħarsu lejn Caritas Malta, aħna l-Insara Kattoliċi Maltin b’wiċċna minn quddiem nistgħu ngħidu: il-kliem tagħna mhuwiex fieragħ, il-kelma tagħna għandha xhieda, u din ix-xhieda hija xhieda ta’ mħabba. Quddiemi hawn żgħażagħ li għaddew mill-esperjenza tal-Caritas jew qegħdin fiha. Dawn jafu li la huma numru u wisq inqas prezz; imma huma mingħajr prezz għax huma għeżież f’għajnejn il-Mulej u f’għajnejn il-komunità ta’ fidi li hija aħna, il-Knisja Kattolika f’Malta.
It-tliet kelmiet li jiddeskrivu lil Caritas MaltaJiena u nisma’ lill-President Emeritu Dr George Abela jaqra l-profezija ta’ Eżekjel, kont qed inħares ukoll lejn Mons. Victor Grech u ġieni dan il-ħsieb: ix-xmara li jsemmi l-profeta Eżekjel hi ħierġa mit-tempju għaliex l-ispirazzjoni tagħha hija l-preżenza ta’ Alla fostna. Minn fejn tgħaddi x-xmara, l-ilma morr jew mielaħ isir ilma ħelu; is-siġar jerġgħu jieħdu l-ħajja, il-frott tagħhom hu tajjeb għall-ikel u l-weraq tagħhom isir mediċina (ara Eżek 47, 11-12). Dik ix-xmara hija xmara tal-imħabba konkreta ta’ kuljum; dik ix-xmara faċilment tfakkarna fil-ħidma tal-Caritas. Wara kollox il-kelma caritas tfisser ‘imħabba’, u hija l-isem li l-istess evanġelista Ġwanni juża biex jiddeskrivi min hu Alla: Alla huwa mħabba, deus caritas est. Jekk aħna rridu nkunu xhieda ta’ vera, irridu mhux biss inħaddnu l-ideali tal-Caritas imma nippromovuhom, ninkoraġġuhom, insostnuhom u mmexxuhom ’il quddiem.
Nirringrazzja lil Alla ta’ kemm f’dawn il-50 sena, bi flessibbiltà u bi profezija kbira u b’sens ta’ umiltà, Caritas Malta adattat għall-ħtiġijiet u l-faqar ġdid li jkollna nħabbtu wiċċna magħhom…
“Fuq iż-żewġt ixtut tax-xmara jikbru siġar ta’ kull ġens ta’ frott; il-weraq tagħhom ma jitbielx, il-frott tagħhom ma jonqosx. Kull xahar jagħmlu frott ġdid” (Eżek 47:12). Nixiteq nirringrazzja lil Alla ta’ kemm f’dawn il-50 sena, bi flessibbiltà u bi profezija kbira u b’sens ta’ umiltà, Caritas Malta adattat għall-ħtiġijiet u l-faqar ġdid li jkollna nħabbtu wiċċna magħhom, sew hekk hi s-solitudni, sew jekk il-vizzju tad-droga, l-abbiss tal-użura, id-diffikultà ta’ min hu sseparat u m’għandux it-tgħanniqa tal-imħabba u għandu għatx kbir għaliha, sew jekk is-servizzi tal-counselling, u tant sitwazzjonijiet oħra ta’ diffikultà li l-persuni fil-bżonn, fil-Caritas isibu sostenn, spalla u risposta. Mhux qed ngħid li dejjem isibu soluzzjoni għax is-soluzzjoni trid ħafna fatturi li jiġu flimkien.
…aħna m’għandna dritt niġġudikaw u nikkundannaw lil ħadd. Qegħdin hawn biex noffru it-tgħanniqa tal-ħbiberija, tas-solidarjetà u tal-viċinanza.
Kemm-il darba iltqajt ma’ nies li użaw is-servizzi tal-Caritas u mingħalihom ħelsu mill-vizzju u jerġgħu jaqgħu fih; imma lil Caritas dejjem jerġgħu jsibuha. Għaliex aħna m’aħniex hawn biex niġġudikaw, għaliex aħna m’għandna dritt niġġudikaw u nikkundannaw lil ħadd. Qegħdin hawn biex noffru it-tgħanniqa tal-ħbiberija, tas-solidarjetà u tal-viċinanza. Jiena nixtieq ukoll nirringrazzja lill-Istat Malti u lill-gvernijiet ta’ kull kulur, għamla u daqs li kellna tul l-aħħar 50 sena talli dejjem sostnew u emmnu fil-ħidma ta’ Caritas Malta.
Grazzi lill-missier Caritas MaltaImma nkun qed nonqos jekk ma nirringrazzjax pubblikament lil Mons. Victor Grech. Diffiċli tesprimi d-dejn li għandna lkoll kemm aħna ma’ dan ir-raġel u saċerdot, ma’ dan il-profeta u kif inħobb ngħidlu jiena ma’ dan il-patrijarka.
Għażiż Dun Victor, il-Mulej tak il-grazzja li tara lil uliedek jikbru u jieħdu r-responsabbiltà li inti ħaddant kontinwament għal 37 sena.
Hawn tant ġenerazzjonijiet ta’ żgħażagħ li ħabbtu l-bieb u sabu lil min jiftħilhom; hawn tant nies li xtaqu minn jismagħhom u ma sabux biss min jismagħhom imma wkoll min jagħtihom kelma ta’ kuraġġ u jiggwidahom. Għażiż Dun Victor, il-Mulej tak il-grazzja li tara lil uliedek jikbru u jieħdu r-responsabbiltà li inti ħaddant kontinwament għal 37 sena. Naf li għadek issegwihom u bħalma għamilt ma’ Leonid McKay, qed tagħmel ukoll mad-direttur il-ġdid Anthony Gatt, għaliex il-Mulej qed jagħtik ukoll il-grazzja li tara dak li bdejt b’tant saġrifiċċju mhux biss qiegħed fuq futur sod imma li huwa kontinwament bżonnjuż. Dan inti m’għamiltux waħdek imma ma’ tant kollaboraturi, ma’ tant benefatturi u ma’ tant nies li ħadmu miegħek. Jiena naf li inti dan kollu tagħmlu fil-Mulej. Aħna m’għandna xejn x’nistgħu nagħtuk biex nirringrazzjawk għax dak inħalluh f’idejn il-Mulej għaliex hu jkabbar, hu jmantni, hu jispira, u aħna nagħmlu kollox għall-glorja tiegħu.
Caritas Malta mhix qiegħda hemm biex tagħmel il-headlines imma biex tkun ta’ servizz.
In-nar għad juri il-ħidma ta’ kull wieħed; sew jekk hux deheb, ħaġar prezzjuż, injam jew ħuxlief, u allura nħallu lin-nar tal-istorja jiġġudika. Caritas Malta mhix qiegħda hemm biex tagħmel il-headlines imma biex tkun ta’ servizz. Nieqaf b’dan il-ħsieb: il-kelma tal-isqof mingħajr il-ħidma tal-Caritas hija vojta. It-talba tiegħi hija li l-ħidma tal-Caritas dejjem toħroġ mit-tempju tal-Mulej fejn nisimgħu l-Kelma ta’ Alla li huwa mħabba.
✠ Charles J.Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
-
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Eżek 47: 1-2. 8-9. 12
Salm: 45: 2-3. 5-6. 8-9
Evanġelju: Ġw 2:13-22 -
-
-
-
-
-