L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-Evanġelju tal-14-il ġimgħa taż-żmien ta’ Matul is-Sena li qrajna llum, u li qed jinqara fil-Knejjes Kattoliċi madwar id-dinja, u li mhux magħżul għal din l-okkażjoni, neħduh bħala providenza. Dan l-Evanġelju li għadna kemm smajna, jgħid kelma li meta kont qed  naqraha u nitlob fuqha, ħsibt fikom u għedt kemm din tgħodd għall-Korp tal-Pulizija! “Jien qiegħed nibgħatkom bħal nagħaġ qalb l-ilpup” (Mt 10:16).

X’ried ifisser biha Ġesù din it-tixbiha qawwija ħafna? Ġesù qed ikellem lid-dixxipli tiegħu, lill-mibgħutin tiegħu. Qed jispjegalhom li qed jibgħathom f’ambjent ostili u mhux qed iwegħedhom ħajja faċli. Fil-fatt, ikompli jitkellem dwar ostaġġi ta’ persekuzzjoni, akkużi inġusti u kundanni infami; ambjent ta’ inġustizzja istituzzjonalizzata. Waqt li jwissihom, Ġesù jipprova jagħmillhom kuraġġ. L-ewwelnett jagħtihom parir importanti ħafna. Waqt li ma jaħbix minnhom id-diffikultà tal-missjoni li għandhom, li qed jibgħathom “bħal nagħaġ qalb l-ilpup”, nista’ ngħid li kull min qed jiġġieled il-kriminalità, il-korruzzjoni u l-abbuż tal-poter,  huwa mibgħut “bħal nagħaġ qalb l-ilpup”.

Ġesù jagħtihom dawn iż-żewġ pariri fundamentali: “Kunu mela għaqlin bħas-sriep u safjin bħall-ħamiem” (Mt 10:16). Illum noffri din il-kelma ta’ Ġesù lill-Korp tal-Pulizija f’dan il-mument storiku, biex nagħmlilkom il-kuraġġ, waqt li nesprimi l-gratitudni ta’ kull wieħed u kull waħda minna għax-xogħol kollu tajjeb li jsir.

Il-Mulej jagħtina dawn iż-żewġ pariri fundamentali: l-għaqal u s-safa. L-għaqal ta’ min jaf juża’ l-mezzi proporzjonati  għal għan tiegħu, fil-każ tagħkom il-protezzjoni tal-legalità f’pajjiżna, il-prosekuzzjoni u l-investigazzjoni ta’ kull min iħassar it-tessut soċjali u jkisser ir-reputazzjoni tagħna għax dan huwa bħal kankru li joqtolna minn ġewwa. Intom qegħdin fil-frontline ta’ din il-battalja u jrid ikollkom l-għaqal ta’ min juża l-mezzi proporzjonati skont l-għan meħtieġ.

Is-safa huwa li wieħed ma jiġix korrott mill-ambjent li jrid jiġġieled u lanqas ikun kompliċi mieghu bis-silenzju, bl-inkompetenza jew bin-nuqqas ta’ ħeġġa. Il-kompliċità tista’ tkun bis-silenzju, jew bl-inkompetenza, jew bin-nuqqas ta’ ħeġġa. Jiena nawguralkom li safa tagħkom ikun, żelu fl-aġir u fil-viġilanza, imma fl-istess ħin ukoll l-ħeġġa li wieħed jimxi skont il-liġi mingħajr ma jħares skont l-uċuħ.

Ġesù jgħid kelma iebsa fuqna lkoll. “Oqgħodu attenti mill-bnedmin!” (Mt 10:17). Donnu qed jgħidilna biex ma nafdawx iżżejjed. Dak li jkun qisuh, wieżen il-qalb tal-persuna qabel ma tiddeċiedi li tafdaha, qabel ma tiddeċiedi li tissieħeb ma’ dak li jkun. Hija kelma iebsa li ġegħelna naħsbu. Hija kelma lid-dixxipli tiegħu li qed jippruvaw jagħmlu sewwa u ma jistgħux jaħarbu mill-liġi tal-persekuzzjoni. Imma fl-istess ħin, min ikun rett m’għandux għaliex jistħi u jinkwieta meta jieqaf għall-prinċipji tiegħu.

Nitlob fuqkom, għeżież membri tal-Korp tal-Pulizija, mill-kbir saż-żgħir, biex tkunu dejjem għodda ta’ ġustizzja, ta’ dritt, ta’ legalità, iżda qatt kompliċi mal-inġustizzja u mal-korruzzjoni. Nitlob għalikom, biex intom, li mibgħuta “bħal nagħaġ qalb l-ilpup”, qatt ma jonqsulkom il-kuraġġ u l-mezzi li l-Istat għandu d-dover jipprovdilkom biex twettqu xogħolkom.

Naħseb ukoll fil-familji tagħkom; l-ommijiet u l-missirijiet tagħkom u fil-maħbubin tagħkom li kull filgħodu jew filgħaxija jarawkom ħerġin mid-dar u f’qalbhom hemm it-talba li jarawkom lura qawwijin u sħaħ.

Insellem ukoll lil dawk li biex jagħmlu d-dover tagħhom jgħaddu minn taħbit mhux żgħir u nagħmlilkom kuraġġ għax intom qed tagħtu servizz imprezzabbli lis-socjetà.

F’isem il-Knisja, nixtieq ukoll nirringrazzjakom tal-koperazzjoni li bħala parroċċi u bħala djoċesi dejjem insibu fil-Korp tal-Pulizija, fil-leadership u anke fl-ambjenti lokali. Grazzi mill-qalb.

Naf li f’xogħolkom ma tantx tirċievu grazzi, imma huwa dover tiegħi, quddiem Alla llum, li ngħidilkom kuraġġ u grazzi!               

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Ħos 14:2-10
Salm: 50 (51), 3-4.8-9.12-13.14 u 17
L-Evanġelju: Mt 10:16-23

Aktar ritratti