-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa
10 ta’ April 2018L-ewwel riflessjoni li nixtieq nislet hija li fis-saċerdozju tagħna niltaqgħu ma’ diversi mumenti, l-aktar billejl, mumenti ta’ dlam, mumenti fejn jew aħna nkunu fid-deżolazzjoni jew huma jkunu fid-deżolazzjoni. Il-lejl huwa sinjal ta’ deżolazzjoni.
Imma hemm lejl u lejl. Il-lejl ta’ Nikodemu huwa differenti mil-lejl ta’ Ġuda. Tiftakru fl-istess Evanġelju meta Ġuda joħroġ, hemm dik il-frażi: “U kien bil-lejl” (Ġw 13:30). U Ġesù stess juża’ din l-immaġini anke fuq il-ħidma tiegħu: “Waqt li huwa l-jum, bin il-bniedem jaħdem, imma mbagħad jasal il-lejl”. Il-lejl tad-deżolazzjoni għal Nikodemu imma jiddawwal bil-laqgħa tiegħu ma’ Ġesù (ara Ġw 3:2). L-isfortuna ta’ Ġuda l-Iskarjota hija li l-lejl tiegħu biegħdu minn Ġesù.
Interessanti ħafna l-interpretazzjoni li jagħti Rupnik fil-mużajċi tiegħu tal-figura ta’ Ġuda. Finalment huwa figura li wiċċu ma jidhirx iżjed, qed jinħeba; wiċċu ma jħarisx lejn id-dawl li ġej mill-wiċċ ta’ Ġesù. U din hija traġedja kbira. Mentri Pietru, fid-deżolazzjoni tiegħu, fid-deżolazzjoni taċ-ċaħda tiegħu, jiltaqa’ mal-wiċċ ta’ Ġesù (Lq 22:61). U hemmhekk jitqanqal għall-indiema vera, l-indiema li trid issegwi l-proċess u l-esperjenza tal-ministeru tagħna.
It-tieni hija li Ġesù waqt li jitkellem fuq il-Magħmudija, jinsisti wkoll fuq l-azzjoni tal-Ispirtu qaddis tal-Mulej. Intom ġejjin minn esperjenza friska u straordinarja tal-azzjoni tal-Ispirtu fikom li ħoloq bidla ontoloġika fir-ruħ tagħkom, imma fil-ministeru tagħna niltaqgħu mal-ispirtu li jonfoħ, “ma nkunux nafu minn fejn ġej” (Ġw 3:8). U din wkoll hija l-okkażjoni fejn imdawwlin minn dan l-Evanġelju, nitolbu s-sapjenza, id-don tal-għerf u l-għaqal li ngħarfu l-id tal-Ispirtu qaddis tal-Mulej.
Fl-Eżortazzjoni Appostolika Gaudete et Exsultate li ġiet mħabbra ilbieraħ, il-Papa jagħmel analiżi tad-dixxerniment anke tal-ispirti:; kif tagħraf jekk ħaġa hiex ġejja minn Alla jew mix-xitan. Ix-xitan mhux mit imma persuna li ċaħdet lil Alla u trid tiġbidna magħha f’din iċ-ċaħda. Mentri l-Ispirtu qaddis huwa l-ispirtu tar- rikonċiljazzjoni, tal-fedeltà li jgħarrafna d-dnubiet tagħna, imma fl-istess ħin iqanqalna għar-rikonċiljazzjoni mal-Mulej.
Ġesù lil Nikodemu jispjegalu wkoll il-bżonn li nitwieldu mill-ġdid (Ġw 3:3). Il-Magħmudija mhijiex biss mument imma hija ħajja għax il-Magħmudija hija full immersion fi Kristu, baptizzo dak li tfisser full immersion. Anke meta jitkellem fuq il-full immersion fit-tbatija Ġesù jitkellem fuq magħmudija: “Hemm magħmudija li biha għandi nitgħammed” (Lq 12:50). Aħna li qegħdin fil-Magħmudija, f’din il-full immerison fi Kristu, ma nistgħux nevitaw il-full immersion fil-kalċi tiegħu: ‘Il-kalċi tiegħi tixorbuh, iva imma mhux magħmul għal min se joqgħod fuq il-lemin jew min se joqgħod fuq ix-xellug, imma ikun għal min jagħżel il-Mulej’ (ara Mt 20:23).
Hu jsemmi s-salib. Dan l-Evanġelju huwa sinteżi qawwija ħafna għaliex il-full immersion tal-Magħmudija se twassalna propju fil-full immersion fil-Misteru tas-Salib. Ftakru fil-kliem tal-konsenja għażiża li ngħatatilkom fid-djakonat meta ngħatalkom l-Evanġelju, u issa li ngħatatilkom il-konsenja tal-offerta tal-poplu qaddis ta’ Alla, u l-Knisja qaltilkom: ‘Fasslu ħajjitkom fuq dak li jkollkom f’idejkom, għamlu ħajjitkom tkun tixbah il-misteru tas-salib tal-Mulej’.
Għaliex ġejna hawnhekk? Ġejna hawnhekk għaliex aħna qegħdin fil-preżenza għażiża ta’ dik li x’aktarx hija l-eqdem immaġini tal-Madonna fil-gżejjer tagħna. Illum skoprejna li l-isem tal-Madonna huwa bil-Latin, Mater Dei, u x’aktarx wara l-influwenza Latina u Sqallija hija importanti. Is-sebgħa tal-Madonna li jindika lil Ġesù, jindika li din hija l-Madonna li turi t-triq għax il-Mulej huwa binha: “Il-ħajja, il-verità u t-triq” (Ġw 14:6), huwa t-triq li twassal għall-ħajja ta’ dejjem.
Aħna hawnhekk ningħaqdu ma’ tant ġenerazzjonijiet, ma’ tant isqfijiet. Wieħed mill-isqfijiet li kien jħobb jiġi hawnhekk jitlob, kien Alpheran de Bussan, kien iħobb jiġi f’dan l-għar. Imbagħad ovvjament kien żvilluppat fi żmien Mons. Gonzi bl-irħam anke bl-effiġe ta’ Kristu, Bin il-Bniedem bejn Adam u Eva li qegħdin fl-att trijonfali.
U hawnhekk jiena nixtieq nikkonsagrakom lill-Madonna; intom ikkonsagrati fil-Magħmudija, ir-reliġjużi kkonsagrati wkoll bil-voti reliġjużi li għandkom, aħna d-djoċesani bħalkom u magħkom għandna l-konsagrazzjoni tal-Ordni Sagri.
It-talba li San Ġwanni Pawlu II kiteb fl-aħħar tal-Pastores Dabo Vobis nixtieq inġeddidha magħkom u anke ma’ Dun Joe. Aħna ġejna ordnati fl-istess jum, 32 sena ilu u nġeddu dan l-affidament tal-ministeru tagħna. Intom li se tibdew is-saċerdożju tagħkom, u aħna lħaqna għamilna iżjed minn uħud minnkom, għandna bżonn l-għajnuna tal-Madonna kontra l-inganni ta’ Satana u biex hi tippreżentana lil binha kif jixtieq hu.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 4, 32-37
Salm: 92 (93), 1ab.1c-2.5
Evanġelju: Ġw 3, 7b-15